Tuesday, June 2, 2026

Atletika: It-tim Malti jikseb it-tieni post fil-Kampjonati Ewropej Challenger

Aqra wkoll

It-tim Malti temm fit-tieni post fil-Kampjonati Ewropej Challenger tal-Atletika bi prestazzjoni mill-aqwa fl-Istade Louis II f’Monako, fejn kiseb total ta’ 111-il punt. Dan fisser li Malta temmet quddiem mhux biss numru ta’ pajjiżi li jikkompetu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar iżda wkoll quddiem federazzjonijiet sportivament akbar bħall-Armenja, il-Ġorġja, l-Albanija u l-Ażerbajġan.

Din il-kompetizzjoni, li preċedentement kienet magħrufa bħala l-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tiġbor fiha atleti ta’ livell għoli minn 17-il federazzjoni Ewropea. Malta kisbet it-tieni post fil-punti bl-atleti Maltin jiksbu tliet midalji tad-deheb, erba’ fidda u erba’ tal-bronż.

L-atleti Maltin li kisbu midalja tad-deheb kienu Graham Pellegrini (200m), Benjamin Salnitro (110m hurdles) u Jared Micallef (800m).

Gabriel Farrugia (5000m), Gina Mcnamara (800m), Sana Grillo (Pole Vault) u t-tim tar-relay tan-nisa kisbu dik tal-fidda filwaqt li Matthew Azzopardi (1500m), Nicolai Bonello (Pole Vault), Claire Azzopardi (200m) u Omar El Aida Chaffey (100m) rebħu bronż għal Malta.

Waqt din il-kompetizzjoni f’Monako, inkisru wkoll tliet rekords nazzjonali tal-kbar.

Benjamin Salnitro waqqaf rekord ġdid fil-110m hurdles, meta rebaħ it-tellieqa f’ħin ta’ 14.52s. Rekord nazzjonali ieħor inkiseb ukoll fil-hurdles, meta Emma Anastasia Scerri kisbet ħin ta’ 1:04.59s fl-400mh. Rekord ukoll għat-tim tar-relay kompost minn Claire Azzopardi, Thea Parnis, Charlotte Wingfield u Martha Spiteri b’2:10.24.

Fuq livell ta’ Under 23, Gabriel Farrugia kompla jtejjeb ir-rekord nazzjonali tiegħu stess, din id-darba b’ħin ta’ 14:35.15.

Id-delegazzjoni Maltija tmexxiet mill-President ta’ Athletics Malta Mario Bonello u akkumpanjata minn numru ta’ kowċis u staff tekniku. Il-parteċipazzjoni tat-Tim Malti kienet appoġġjata mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport