Tuesday, December 24, 2024

GĦAŻLIET LI SE JMEXXUNA ‘L QUDDIEM FIL-FUTUR

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Il-politika tinvolvi it-teħid ta’ deċiżjonijiet li ħafna drabi jkunu jolqtu faxxex sħaħ tas-soċjetà jekk mhux ukoll lil pajjiż sħiħ. Dawn id-deċiżjonijiet jikbru fl-importanza meta min ikun qed jeħodhom ikun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż. Nistgħu ngħidu li fl-aħħar għoxrin xahar kemm ilu fil-kariga l-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern Laburista kellu jieħu bosta deċiżjonijiet li bosta minnhom kienu mhux biss diffiċli imma wkoll kruċjali għad-direzzjoni li kellu jieħu l-pajjiż.

Kien hemm deċiżjonijiet iebsa li riedu jittieħdu dwar il-pandemija u r-riperkussjonijiet li ġabet magħha. Deċiżjonijiet dwar kemm il-pajjiż seta’ jġorr il-piż tal-għeluq għal xhur sħaħ ta’ oqsma sħaħ ta’ negozju, b’infieq ta’ miljuni kbar ta’ Ewro għal għajnuniet għal eluf ta’ ħaddiema biex ma jitilfux l-impjieg. 

Imbagħad kellna wkoll deċiżjonijiet oħra importanti x’nieħdu biex insaħħu l-governanza f’pajjiżna. Għaddejjna mill-Parlament għadd bla preċedent ta’ liġijiet li kollha saħħew lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna kif ukoll is-saltna tad-dritt, fosthom dwar il-ħatriet fl-ogħla karigi tal-istat. Dawn kienu riformi li kienu ilhom meħtieġa u li l-Gvern ta’ Robert Abela kellu l-kuraġġ iressaq il-quddiem u anke jikseb kunsens unanimu fil-Parlament għal ħafna minnhom.

Ninsabu issa quddiem għażliet importanti oħra li rridu nieħdu u għal dan qed nippreparaw bis-sħiħ. Bħalissa qed jitħejja l-budget għas-sena d-dieħla li jrid jagħti sinjal ta’ kuraġġ lill-Maltin u l-Għawdxin li pajjiżna jinsab fit-triq li jibda jirkupra mid-daqqa kbira li l-Pandemija tal-Covid-19 tat lill-ekonomija tal-pajjiż. Diġa qegħdin naraw sinjali pożittivi bl-inqas livell ta’ qagħad rekord li qatt ġie reġistrat fil-pajjiż u b’żieda qawwija fir-ritmu ekonomiku tant li rreġistrajna tkabbir rekord ta’ aktar minn 13% fit-tieni kwart tas-sena.

Il-Fondi Ewropej se jgħinu bis-sħiħ għal dan l-irkupru u nistennew li fil-ġimgħat li ġejjin ikollna l-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, għall-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li ressaqna.  Kif ikun approvat dan il-pjan nibdew ninjettaw fl-ekonomija tagħna mhux inqas minn €345 miljun ta’ investimenti fi proġetti, ħafna minnhom ta’ natura ambjentali, li żgur se jkomplu jistimulaw l-ekonomija tal-pajjiż. 

Ħejjejna wkoll fl-aħħar xhur, sensiela ta’ programmi ta’ infieq mill-allokazzjoni rekord li kisbet Malta mill-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, jiġifieri dik ta’ €2.27 biljun. Diġa kkonsultajna mal-pubbliku fuq nefqa ta’ €193 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew Plus li se nużaw fi proġetti biex inkomplu nsaħħu l-forza tax-xogħol f’pajjiżna u anke ngħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà fosthom dawk li huma mċaħħda minn affarijiet materjali.

Se nkomplu nagħmlu għażliet oħra importanti fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin billi nuru fi programm wara l-ieħor, kif ser inkunu qed ninvestu fl-oqsma kollha tal-pajjiż permezz tal-flus ġejjin mill-Fondi Ewropej. Dawn l-għażliet iridu jsiru bil-għaqal għax l-investimenti li rridu nagħmlu se jkunu determinanti f’dan il-futur li rridu nfasslu għal pajjiżna.

Fiż-żmien li ġej il-ħidma tagħna se tkompli tkun iffukata fuq kif se ninvestu għall-futur. Jeħtieġ li nkomplu nħejju lil pajjiżna għal ġejjieni u b’għaqal nagħmlu l-investimenti meħtieġa.

Ekonomija

Sport