Thursday, April 25, 2024

Għexieren ta’ eluf jinżlu juru l-appoġġ tagħhom lil Trump f’Washington

Aqra wkoll

Għexieren ta’ eluf ta’ Kristjani niżlu juru l-appoġġ tagħhom lejn il-President Amerikan Donald Trump f’Washington.

Organizzaturi qalu li mal-50,000 persuna attendew għall-Marċ Nazzjonali ta’ Talb, waħda mill-akbar attivitajiet soċjali fil-pajjiż mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 u ġew implimentati restrizzjonijiet fuq laqgħa ta’ nies.

Il-marċ ta’ talb żvolġa sigħat biss qabel ma Trump kellu jħabbar in-nomina ta’ mħallef konservattiv għall-Qorti Suprema Amerikana.

Il-Viċi President Mike Pence kien fost dawk li indirizzaw l-attività, u fost punti oħrajn iddiskuta l-presidenza u l-Qorti Suprema.

Pence ħeġġeġ lil dawk preżeti biex jitolbu għall-forzi armati Amerikani, il-fergħa eżekuttiva, il-Kungress, u “l-mara li l-President illum se jinnomina biex timla l-post vagant fil-Qorti Suprema”.

Ftit wara l-intervent ta’ Pence, Trump ħabbar l-Imħallef Amy Coney Barrett biex tieħu post l-Imħallef liberali Ruth Bader Ginsburg li mietet aktar kmieni din il-ġimgħa.

Intant ftit kienu dawk fil-folla li kienu lebsin maskri, bil-midja Amerikana tgħid li ħafna minn dawk preżenti jidher li kienu studenti li jattendu l-Liberty University ta’ Virginia.

Sport