Eks ħaddiem tal-kura tat-tfal deskritt bħala “wieħed mill-agħar pedofeli fl-Awstralja” intbagħat għomru l-ħabs talli stupra u abbuża sesswalment minn kważi 70 tifla fl-istat ta’ Queensland.
Ashley Paul Griffith, ta’ 47 sena, ammetta li wettaq xejn inqas minn 307 reati f’ċentri għall-kura tat-tfal fl-Awstraljan u anki barra mill-pajjiż bejn l-2003 u l-2022. Il-vittmi tiegħu kellhom bejn sena u seba’ snin.
L-Imħallef Paul Smith fil-Qorti ta’ Brisbane sejjaħ in-natura tar-reati bħala “orribbli” fejn qal li f’dawn il-każijiet kien hemm “ksur sinifikanti ta’ fiduċja”. Fis-sentenza tiegħu, huwa ordna li l-akkużat ma jinħariġx mill-ħabs fuq parole għal perjodu ta’ mhux inqas minn 27 sena.
Griffith kien ġie arrestat għall-ewwel darba f’Awwissu 2022 mill-Pulizija Federali Awstraljana u sena wara ġie akkużat b’aktar minn 1,600 reat sesswali fuq it-tfal. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-akkużi eventwalment twaqqgħu.
L-investigaturi kienu sabu eluf ta’ ritratti u vidjows tal-abbużi tiegħu, li kien iffilmjahom u tellagħhom fuq id-dark web. Għalkemm l-uċuħ tal-vittmi ma kinux jidhru, l-investigaturi rnexxielhom jittraċċawhom ma’ Griffith minħabba sett uniku ta’ lożor li dehru fl-isfond ta’ wħud mill-filmati, li kienu jinbiegħu lil ċentri ta’ kura tat-tfal madwar Queensland.
Huwa wieġeb ħati ta’ 28 akkuża ta’ stupru, kważi 200 akkuża relatati ma’ trattament indiċenti ta’ tfal u bosta oħra relatati mal-produzzjoni u t-tqassim ta’ materjal ta’ sfruttament tat-tfal. Erbgħa mit-tfajliet li dehru fil-filmati tiegħu kienu minn ċentru għall-kura tat-tfal f’Pisa, l-Italja. Il-65 vittma l-oħra kienu minn 11-il post madwar Brisbane.
Qabel tat is-sentenza, il-Qorti semgħet sensiela ta’ dikjarazzjonijiet emozzjonali minn uħud minn dawk il-vittmi u l-ġenituri li l-ismijiet tagħhom li ma jistgħux jiġu żvelati għal raġunijiet legali.
Fosthom kien hemm żewġt aħwa li kienu abbużati fil-kindergarten, li waħda minnhom fakkret li Griffith kien l-għalliem favorit tagħha.
Mara oħra qalet kif l-azzjonijiet tiegħu “serqulha t-tfulija normali tagħha”, filwaqt li rrakkontat l-isfidi ta’ saħħa mentali li kellha taffaċċja fis-snin ta’ wara li seħħ dan l-abbuż.
Barra l-qorti, il-familji talbu investigazzjoni dwar iċ-ċentri tal-kura tat-tfal – u sistema usa’ – li fihom Griffith tħalla għaddej b’dak li kien qed jagħmel mingħajr ma nqabad għal daqshekk żmien.