Saturday, December 21, 2024

Għoxrin xahar ħabs talli sawwat anzjan li rranġalu d-dgħajsa

Aqra wkoll

Raġel li nstab ħati li sawwat anzjan wara li dan talbu l-flus talli irranġalu d-dgħajsa kien ikkundannat 20 xahar ħabs.

Emanuel Esposito kien mixli mill-Ispettur Oriana Spiteri li fl-4 ta’ Lulju 2019, f’Ħaż-Żabbar, ikkaġuna ġrieħi gravi lil John Fiorini.

Il-vittma spjega lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kif Esposito qabbdu biex jaralu l-magna ta’ dgħajsa għax ma kinitx qed tistartjalu.

L-argument inqala meta xi jiem wara Fiorini mar id-dar ta’ Esposito biex iħallsu u talbu €50 tax-xogħol.

X’ħin sema hekk Esposito qabad statwetta taċ-ċaqquf u biha ta daqqa lil Fiorini fuq rasu.

Huwa kompla jagħtih f’wiċċu bil-ponn u bis-sieq u gerrbu ‘l barra fejn kellu jmur l-isptar u dam tliet ġimgħat minħabba l-ġrieħi li sofra.

Meta l-Pulizija kellmet lil Esposito dan ċaħad li aggredixxa lil Fiorini u li kien jafu.

Quddiem l-imsemmi maġistrat huwa baqa’ jinsisti li ma messux, li m’għamillux xogħol, li ma kienx id-dar dakinharu li Fiorini kien gideb fuqu.

Madankollu l-Maġistrat Frendo Dimech qalet li x-xiehda tiegħu ma kinitx kredibbli mentri tal-vittma kienet.

“Kif qatt jista’ jiġi emmnut l-imputat li raġel li ftit li xejn kien jafu, anzi kienu jsellmu lil xulxin, għal xejn b’xejn kellu jaqla’ storja daqshekk gravi dwaru? Storja iżda, li l-ġrieħi mġarrba u ċertifikati mit-tobba, jikkorraborawha”.

Hija żiedet li mill-provi jirriżulta wkoll li Fiorini sofra diżabilità permanenti ta’ 5% u sostniet li ma kellha ebda dubju li kien Esposito li ikkaġunahomlu.

“Il-Qorti ma għandha l-ebda dubju ssib li dawn il-ġrieħi saru mill-imputat Emanuel Esposito, li bla ħniena u bla raġuni nfexx f’dagħdiha ta’ rabja u aggressività sempliċiment għaliex ma riedx iħallas għas-servizzi li ngħata mill-vittma”.

Meta ġħiet biex tagħti l-piena hija qieset kemm il-ġrieħi li sofra l-vittma kif ukoll li dakinhar tal-inċident kellu 78 sena.

Minbarra li ikkundannat lil Esposito għal 20 xahar ħabs hija ordnatlu jagħti lil Fiorini kumpens ta’ €7,000.

Ekonomija

Sport