Ġie mniedi l-ewwel Legal and Finance Grant għas-setturi kulturali u kreattivi

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, ħabbar l-ewwel Legal and Finance Grant, miżura ġdida ta’ appoġġ li se tgħin lill-artisti, lill-prattikanti kreattivi u lill-organizzazzjonijiet kulturali għall-aċċess għal pariri professjonali legali u finanzjarji. Permezz ta’ din l-għotja l-ġdida, il-benefiċjarji jistgħu jingħataw sa massimu ta’ €3,000.

L-għotja, li tfasslet wara konsultazzjoni mal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA), għandha l-għan li twieġeb għall-bżonnijiet professjonali prattiċi tas-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li tappoġġja s-sostenibbiltà fit-tul tal-prattika artistika. Il-fondi jistgħu jintużaw biex jinkisbu pariri legali u finanzjarji f’oqsma bħal kuntratti, proprjetà intellettwali, ġestjoni tad-drittijiet, taxxa, kontabilità, ippjanar finanzjarju, rekwiżiti marbuta mal-assigurazzjoni u obbligi regolatorji relatati ma’ xogħol artistiku jew kulturali, bl-ispejjeż eliġibbli koperti kollha.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea tenna li “Dan il-Gvern jemmen li l-kultura mhijiex spiża, iżda investiment. Meta ninvestu fl-artisti tagħna ma nkunux qed nappoġġjaw biss il-kreattività, iżda nkunu qed nibnu ekonomija aktar innovattiva, soċjetà aktar b’saħħitha u pajjiż li jagħraf il-valur tat-talent tiegħu. Il-Legal and Finance Grant huwa eżempju konkret ta’ kif qed nagħtu lill-professjonisti kreattivi l-għodod biex mhux biss joħolqu, iżda wkoll jikbru u jirnexxu b’mod sostenibbli.”

Iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli qal li din l-iskema hija pass ieħor lejn settur kulturali aktar professjonali u sostenibbli. 

Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon, qalet li l-għotja tindirizza bżonn prattiku fis-settur. 

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sa nofsinhar tat-2 ta’ Settembru 2026. Għal aktar informazzjoni żuru https://www.artscouncilmalta.gov.mt

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport