Se tkun ġimgħa deċiżiva għall-Malta Blackball Pool Federation hekk kif matul dawn il-jiem se jkunu qed jintlagħbu l-finali fid-diviżjonijiet rispettivi.
Il-finali tant mistennija bejn Ħamrun 147 A u Cospicua Rangers A se tkun qed tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Juventus Club Vero Amore.
Ħamrun 147 A għaddew għal din il-finali meta fis-semifinali għelbu lil Qormi Pinto A 21-18. Wara li l-ewwel konfront, intemm 12-8 favur il-Qriema, l-avversarji mill-Ħamrun dawru l-iskor favurihom u għalhekk għamluha għall-ġurnata deċiżiva.
Sadanittant nhar il-Ħamis li ġej tintlagħab il-finali taċ-Challenger League bejn San Ġwann Tiki Taka A u Ħamrun 147 B.
It-tim minn San Ġwann għeleb lil Qormi Pinto B 21-19 filwaqt li l-Ħamruniżi kienu aħjar minn San Ġwann Tiki Taka Boys tant li rebħu 21-6.
Fir-Regional League, il-finalisti huma Ħamrun 147 C u Birkirkara Youngsters bil-logħba deċiżiva li se tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej.
Fil-Community League, San Ġwann Tiki Taka Buddies u Cospicua Rangers B huma l-finalisti wara li għebu lil PL Floriana (21-13) u Ħamrun 147 D (21-14) rispettivament. Il-finali bejniethom se tintlagħab għada.
Finalment il-finali tal-lum mill-Amateur Cup se tkun derby bejn Birkirkara Juve u Birkirkara Boċċi.
Birkirkara Juve għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s B 11-2 filwaqt li Birkirkara Boċċi għelbu lil Ħamrun 1889 Bar 10-6.



