Ġimgħa importanti għall-futsal maskili ġewwa Malta hekk kif ġew definiti diversi pożizzjonijiet kruċjali għall-playoffs finali.
Fil-Challenger Futsal League kellna rebħa komda għal Sliema Futsal Fort Fitness li għelbu lil Futsal Selection U17 bl-iskor ta’ 5-1. Il-Brażiljan Rodrigues Silva Leonardo kien protagonist assolut b’erba’ gowls.
Min-naħa l-oħra, Santa Venera Lightnings Futsal u Futsal Selection U19 spiċċaw fi draw spettakolari ta’ 5-5, b’Noel Busuttil jispikka b’erba’ gowls għal Santa Venera f’logħba bilanċjata u intensa.
Fil-Premier Futsal League, kellna dawn il-partiti u minkejja li fadal xi partiti, ġew determinati t-timijiet li se jilagħbu fil-playoffs.
Marsaskala Futsal Legends kisbu rebħa kbira ta’ 13-3 kontra Zejtun Corinthians Futsal, biex b’hekk Żejtun se jkunu qed jilagħbu fil-playoffs tal-Challenger League. Karl Luke Schembri kien il-protagonist assolut hekk kif irnexilu jiskurja sitt gowls ghal l-Iskalin.
Fil-partita l-oħra, University of Malta Futsal għelbu lil GZR Birzebbugia St Peter’s Futsal bl-iskor ta’ 5-1, biex żammew it-tamiet tagħhom li jispiċċaw fl-ewwel post. Issa għandhom iċ-ċans li jisfurzaw ”decider” għall-ewwel post meta jaffrontaw lil Luxol St Andrews Futsal fil-partita tal-20 ta’ Marzu.
Filwaqt li fil-Premier League fadal l-aħħar partita biex jiġu determinati l-pożizzjonijiet finali, fil-Challenger League gew determinati il-playoffs, fejn Santa Venera Lightnings Futsal jiltaqgħu ma’ Futsal Selection U17 fil-quarter-final, bir-rebbieħ jaffronta lil Zejtun Corinthians Futsal fis-semifinali, filwaqt li s-semifinali l-oħra tintlagħab bejn Futsal Selection U19 u Sliema Futsal Fort Fitness.

