Illejla tintlagħab it-tielet finali organizzata mill-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi hekk kif fil-pitch ta’ Ħal Kirkop, San Ġwann jaffaċċjaw lil Żejtun fil-finali ta’ taħt it-18-il sena.
Iż-żewġ naħat għandhom l-aqwa plejers żgħażagħ tal-boċċi f’pajjiżna u għalhekk mistennija logħba bilanċjata u inċerta sal-aħħar. Ir-referee ta’ din il-logħba se jkun Redeemer Azzoapardi.
Sadanittant, qed joqorbu lejn il-qofol tagħhom ukoll il-kompetizzjonijiet Knock-Out. Fil-Knock-Out Individwali ġew ikkonfermati l-erba’ semifinalisti: Jurgen Zammit u John Borg, it-tnejn ta’ Buġibba, Owen Bezzina ta’ St Peter’s Żabbar u Joseph Tabone ta’ Għaxaq.
Din hija okkażjoni storika għal Buġibba, li għall-ewwel darba se jkollhom żewġ plejers fl-istess semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.
Fil-Knock-Out 2 kontra 2, Tal-Grazzja ta’ Għaxaq u Ramel ta’ San Ġwann ukoll kisbu posthom fis-semifinali.




