Fis-16 ta’ Ottubru ta’ kull sena, madwar id-dinja jitfakkar il-Jum Dinji tal-Ikel. Jum li mhux biss iservi bħala ċelebrazzjoni dwar dak li qegħdin nikkunsmaw imma wkoll bħala tfakkira li miljuni ta’ nies globalment qed ibatu l-ġuħ kaġun ta’ nuqqas ta’ ikel, minħabba diversi problemi, l-aktar it-tibdil fil-klima u n-nixfa.
In-Nazzjonijiet Uniti ilha li stabbiliet dan il-jum mhux biss biex li tqanqal aktar għarfien u trawwem kuxjenza dwar il-ġlieda kontra l-ġuħ u l-faqar, imma wkoll biex tinkoraġġixxi inizjattivi li jsaħħu s-sigurtà tal-ikel u jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal ikel nutrittiv u suffiċjenti.
Kif diġà stqarrejna aktar qabel, it-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-ogħla kawżi għall-impatt dejjem aktar qawwi fuq l-agrikoltura, hekk kif temperaturi ogħla u kundizzjonijiet estremi tat-temp jistgħu jeqirdu l-uċuħ tar-raba’, inaqqsu l-ammonti ta’ xita u jgħollu l-prezzijiet u jheddu l-ktajjen tal-ikel. Dawn il-konsegwenzi jolqtu b’mod speċjali lill-komunitajiet l-aktar vulnerabbli, f’ħafna mill-pajjiżi fqar li ħafna drabi jkollhom inqas riżorsi biex jiffaċċjaw dawn l-isfidi.
Madankollu, il-ġlieda kontra l-ġuħ ma tiddependix biss fuq kemm jiġi prodott ikel, iżda wkoll fuq kif dan jitqassam u kemm jiġi evitat il-ħela tiegħu. Għalhekk, huwa ta’ importanza massima li l-gvernijiet madwar id-dinja, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet jaħdmu flimkien biex imexxu ’l quddiem sistemi tal-ikel aktar sostenibbli, inaqqsu l-ħela u jiżguraw li r-riżorsi jkunu jistgħu jilħqu wkoll lil dawk li l-aktar għandhom bżonnhom.
It-tħaris tal-ambjent naturali wkoll għandu sehem fil-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ. Dan għaliex jekk se jibqgħu jinqatgħu l-miljuni ta’ siġar mill-foresti jiżdied il-proċess ta’ deżertifikazzjoni bil-konsegwenza li tinżel inqas xita b’detriment għall-art agrikola.
Fil-kuntest lokali, il-Gvern Malti qiegħed jaħdem sabiex isaħħaħ is-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-provvista tal-ikel f’Malta u dan permezz tal-iżvilupp sostenibbli, l-innovazzjoni u l-investiment strateġiku. Fl-istess waqt li jiżgura r-reżiljenza u l-kompetittività tagħhom fit-tul.
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li nirrikonoxxu l-ħidma tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel li qiegħda taħdem bis-sħiħ sabiex il-prodotti lokali jkollhom preżenza akbar fuq l-imwejjed tal-konsumaturi f’pajjiżna. L-Aġenzija torganizza wkoll diversi avvenimenti matul is-sena li jqiegħdu fiċ-ċentru l-prodotti lokali u l-ħidma ta’ dawk kollha li jagħtu kontribut lis-settur tal-ikel f’pajjiżna. Fost dawn hemm il-Festa Ikel Malti, li għaliha attendew eluf ta’ viżitaturi.
Inħarsu ’l quddiem għal aktar impenn u ħidma f’dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna.




