Monday, December 9, 2024

Gladiator II

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa, jiddebutta s-sequel tant mistenni “Gladiator II”. Fortunatament għalina, Ridley Scott reġa’ għażel lil Malta biex jiffilmja l-maġġoranza ta’ dan il-film hawn Malta. Il-Kolossew u t-triqat tal-madwar inbnew bil-ħaddiema Maltin li wrew ħiliet kbar f’diversi snajja. Intużaw ukoll xi lokalitajiet oħra bħal Manoel Island u l-Miżieb biex kompla joħroġ kemm is-sabiħ tal-pajsaġġ Malti jista’ jservi għal kull film, għal kull perjodu.

Bla tlaqliq ngħid li “Gladiator II” hu aktar spettakolari, aktar ġeneruż fil-lussu tax-xeni imma aktar vjolenti mill-ewwel wieħed.

Denzel Washington plays Macrinus and Lior Raz plays Viggo in Gladiator II from Paramount Pictures.

In-narrattiva teħodna 16-il sena wara l-ġrajja ta’ l-ewwel film. Lucius (Paul Mescal) hu n-neputi tal-Imperatur maqtul Marcus Aurelius u iben Lucilla (Connie Nielsen) u Maximus (Russell Crowe). Issa, Lucius ikun qed jgħix ’l bogħod minn Ruma, ġo Numidja fl-Afrika ta’ Fuq.

Numidja tisfa’ invaduta mis-suldati Rumani immexija mill-Ġeneral Marcus Acacius (Pedro Pascal). Mart Lucius tinqatel fil-battalja fuq ordni diretta ta’ Acacius, filwaqt li Lucius jittieħed bħala skjav f’Ruma. Lucius, li jkun żagħżugħ b’saħħtu ħafna, iħalli impressjoni kbira fuq Macrinus (Denzel Washington) li jieħdu miegħu biex ikun gladjatur taħt għajnejn l-Imperaturi żgħażagħ Caracalla u Geta (Joseph Quinn u Fred Hechinger).

Connie Nielsen plays Lucilla in Gladiator II from Paramount Pictures.

Macrinus hu bniedem makakk, manipulattiv u saħansitra anke kapaċi jġib lill-Imperaturi fejn iridhom hu.

Waħda mill-aktar xeni spettakolari hi dik meta fil-Kolossew jimtela’ bl-ilma u sseħħ battalja navali. Tidher esaġerata. L-istoriċi ma jaqblux bejniethom li dan kien possibbli imma hemm min isostni li fi żmien l-Imperatur Titus, kien ordna li l-Kolossew jimtela’ bl-ilma u bl-użu ta’ xwieni b’qiegħ ċatt tiġi replikata l-battalja bejn Ateni u Sirakuża. Din seħħet ftit aktar minn 400 sena Qabel Kristu. Imma l-films qatt ma kienu fidili lejn fatti storiċi.

Għal dawk li huma interpretazzjonijiet, Denzel Washington jiddomina kull xena li jidher fiha. 

Connie Nielsen u Sir Derek Jacobi huma l-uniċi żewġ atturi f’partijiet sekondarji li dehru wkoll fl-ewwel “Gladiator”.

Oscars

24 sena ilu, “Gladiator” kien innominat għal 12-il Oscar u rebaħ ħamsa, inkluż dik għall-aħjar film. Dakinhar, id-direttur Ridley Scott ma rebaħx l-Oscar għall-aħjar direzzjoni.

Fil-mument, is-sequel “Gladiator II” qed jissemma li jista’ jerġa’ jkollu 12-il nominazzjoni, inkluż għall-aħjar film. Fl-istorja tal-Oscars, ftit ħafna huma s-sequels li kienu nnominati għall-aħjar film. Darbtejn kien hemm sequels li rebħu l-Oscar għall-aħjar film: “Godfather Part II” u “Lord of the Rings: The Return of the King”. 

Nirrepeti, fil-mument, “Gladiator II” qed jissemma’ li għandu ċ-ċans li jirbaħ sitt kategoriji, imma mhux għall-aħjar film. Il-kategoriji li jista’ qed f’vantaġġ huma: direzzjoni (Ridley Scott li fl-aħħar ta’ dan ix-xahar jagħlaq 87 sena u qatt ma rebaħ Oscar għad-direzzjoni), attur f’parti sekondarja (Denzel Washington), disinn tal-produzzjoni, editing, sound u effetti viżwali. Ipparagunat mal-film oriġinali, jekk jiġri hekk, il-kategoriji tas-sound u tal-effetti viżwali ikun rebaħhom kemm għall-film oriġinali kif ukoll għas-sequel.

Għad baqa’ ħafna żmiem għall-Oscars u għad irid isir ħafna lobbying u b’hekk jistgħu jinbidlu ħafna affarijiet.

“Gladiator II” hu kklassifikat 15 minħabba xeni qawwija u dettaljati ta’ vjolenza.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport