Goal uniku skorjat mid-difensur Brażiljan, Gleison Bremer, poġġa lil Juventus fis-semi-finali tal-Coppa Italia meta għelbu lil Lazio 1-0 fl-Allianz Stadium u issa jiltaqgħu kontra Inter għal post fil-finali.
Il-goal ta’ Bremer wasal minuta qabel il-mistrieħ meta sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras mill-viċin wara centre mil-lemin.
Il-ground deher kważi vojt tant li l-attendenza ta’ 21,274 spettatur kienet l-inqas waħda f’dawn l-aħħar snin meta s’intendi ż-żmien tal-Covid-19 mhux inkluż.
Għaldaqstant, il-mistoqsija hija: il-partitarji Juventini qed jabbandunaw lit-team? Ma jidhirx hekk. Iż-żmien tal-logħba ma kienx ideali meta ħafna partitarji huma minn barra Turin u ġeneralment mir-reġjuni Taljani kollha.
Il-logħba ġiet trasmessa b’xejn fuq it-TV Taljan u t-temp kiesaħ f’Turin il-Ħamis filgħaxija kkonvinċa lil ħafna biex jsegwu l-logħba fil-kumdita’ ta’ djarhom.
Is-semi-finali l-oħra tlaqqa’ lil Fiorentina kontra Cremonese li nhar l-Erbgħa għelbu b’sorpriża lil Roma.