Tuesday, November 10, 2026
Home Sport Il-president ta’ Rabat Ajax – Glen Micallef … il-messaġġ tiegħu jibqa’ wieħed...

Il-president ta’ Rabat Ajax – Glen Micallef … il-messaġġ tiegħu jibqa’ wieħed ċar: ambizzjoni għall-promozzjoni, ħidma kontinwa u rispett lejn kull avversarju

0
71

Minn Cristian Muscat

Il-president ta’ Rabat Ajax, Glen Joseph Micallef, jinsab sodisfatt bil-bidu pożittiv li kellu t-tim tiegħu fin-National League 2 tal-MFA, filwaqt li saħaq li minkejja l-investiment li sar matul is-sajf, il-klabb irid jibqa’ umli u jieħu kull partita bis-serjetà.

Fl-istess waqt, Rabat Ajax qed iħejju avveniment speċjali biex ifakkru l-40 anniversarju mir-rebħ tal-Kampjonat Premier Malti, b’ċelebrazzjoni li se ssir fis-27 ta’ Novembru.

Micallef, li ilu jmexxi lil Rabat Ajax minn April tal-2024, qed jaħdem biex il-klabb jerġa’ jikseb postu f’diviżjoni ogħla tal-futbol Malti. Wara li qabel kien serva bħala viċi president, huwa ħa f’idejh it-tmexxija tal-klabb b’viżjoni ċara li Rabat Ajax ikunu jistgħu jiġġieldu bis-serjetà għall-promozzjoni.

Din il-viżjoni wasslet għal investiment importanti fl-iskwadra, bl-ingaġġ ta’ diversi plejers stabbiliti u bidliet fl-aspett tekniku. Fost l-aktar deċiżjonijiet importanti kien hemm il-ħatra ta’ Jesmond Zammit bħala kowċ, li taħt it-tmexxija tiegħu t-tim beda l-istaġun b’mod mill-aktar inkoraġġanti.

Skont Micallef f’intervista li ta lil dan is-sit, il-bidu tal-kampjonat kien wieħed li diffiċli wieħed seta’ jistenna aħjar minnu.

“Ma stajniex ikollna bidu aħjar milli kellna. Ninsabu kuntenti bil-mod kif it-tim qed jilgħab u bir-riżultati li ksibna, iżda rridu nibqgħu b’saqajna mal-art. Qed nieħdu logħba b’logħba u nafu li għad fadal ħafna xi jsir,” sostna l-president Rabti.

Huwa spjega li l-investiment li sar fil-plejers ma kienx wieħed każwali, iżda parti minn pjan maħsub biex Rabat Ajax ikollhom skwadra kompetittiva li tkun kapaċi tisfida għall-ogħla postijiet tal-klassifika.

Madankollu, Micallef jinsisti li l-promozzjoni mhijiex xi ħaġa garantita, anke jekk il-klabb għamel sforz finanzjarju u organizzattiv konsiderevoli.

“Naturalment nixtiequ niksbu l-promozzjoni. Għamilna investiment importanti u ġibna plejers li għandhom esperjenza, iżda ma nkunx president responsabbli jekk noħroġ ngħid li żgur se nitilgħu. Fil-kampjonat m’aħniex nilagħbu waħedna. Hemm timijiet oħra li wkoll investew u li għandhom ambizzjonijiet simili għal tagħna.”

Il-president ta’ Rabat Ajax jemmen li l-livell tal-National Amateur League 2 żdied b’mod sostanzjali matul dan l-istaġun, b’diversi timijiet li jistgħu jagħtu sfida lil xulxin.

Huwa semma bħala eżempju l-konfront kontra Għaxaq, li minkejja l-aspettattivi, kien wieħed diffiċli għall-iskwadra tiegħu.

“Il-livell tal-kampjonat din is-sena huwa għoli ħafna. Għandek timijiet bilanċjati u fil-ġurnata kulħadd jista’ jagħtik logħba. Kontra Għaxaq, pereżempju, kellna partita diffiċli.

Dan jurik li ma tista’ tieħu xejn bħala fatt jew kif jgħidu l-Ingliżi ‘for granted’ u trid taħdem għal kull punt.”

Lil hinn mill-aspett kompetittiv, Micallef qed jagħti importanza wkoll lill-organizzazzjoni u lill-identità storika tal-klabb.

Fil-fatt, Rabat Ajax qed iħejju waħda mill-aktar inizjattivi sinjifikanti ta’ dawn l-aħħar snin, hekk kif fis-27 ta’ Novembru se jorganizzaw avveniment bl-isem “40: L-Istorja Tagħna”, biex ifakkru l-40 anniversarju mir-rebħ tal-Kampjonat Premier Malti.

Dan is-suċċess jibqa’ wieħed mill-isbaħ kapitli fl-istorja ta’ Rabat Ajax, meta l-klabb kien fost il-protagonisti ewlenin tal-futbol Malti u rnexxielu jikseb l-ogħla unur domestiku.

L-avveniment se jkun opportunità biex il-ġenerazzjonijiet differenti tal-familja Rabtija jerġgħu jingħaqdu u jfakkru ż-żminijiet glorjużi tas-snin tmenin.

Micallef spjega li diġà twaqqaf kumitat organizzattiv apposta biex jieħu ħsieb din l-attività, filwaqt li r-rispons li wasal mingħand dawk mistiedna kien wieħed mill-aktar pożittiv.

“Għandna kumitat organizzattiv li qed jaħdem ħafna fuq din l-inizjattiva. Ir-rispons li kellna s’issa kien kbir ħafna u ninsabu kuntenti li diversi protagonisti ta’ dak is-suċċess se jerġgħu jingħaqdu magħna fis-27 ta’ Novembru.”

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-organizzaturi huwa li jerġgħu jlaqqgħu flimkien lill-plejers li kienu parti mill-iskwadra rebbieħa, kif ukoll lill-membri tal-kumitat li kienu taw il-kontribut tagħhom f’dak il-perjodu storiku.

Qed isiru wkoll sforzi biex għall-okkażjoni jkunu preżenti wħud mill-plejers barranin li kienu libsu l-flokk ta’ Rabat Ajax matul dawk is-snin.

“Qed nippruvaw inġibu wkoll plejers barranin li kienu magħna f’dak il-perjodu. Nixtiequ li din tkun serata li fiha kulħadd jerġa’ jiftakar fis-snin tmenin, jiltaqa’ mal-eks plejers u jerġa’ jgħix dawk il-mumenti sbieħ.”

Matul is-serata huwa ppjanat divertiment u diversi elementi marbuta mal-istorja tal-klabb, fosthom tifkiriet u materjal antik li jfakkar il-kisbiet ta’ Rabat Ajax.

L-organizzaturi jixtiequ wkoll jagħtu ġieħ lil dawk il-persuni li kienu parti minn dak is-suċċess iżda li llum m’għadhomx magħna.

Għal Micallef, din l-inizjattiva għandha tifsira li tmur lil hinn minn sempliċi ċelebrazzjoni sportiva. Hija opportunità biex il-komunità Rabtija terġa’ tingħaqad madwar il-klabb u biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa ssir taf aktar dwar il-wirt sportiv tiegħu.

Il-president qed jaħdem ukoll biex isaħħaħ il-bażi organizzattiva ta’ Rabat Ajax, flimkien mal-viċi president Stefan Scicluna u membri oħra tal-kumitat, b’attenzjoni lejn l-attivitajiet komunitarji, in-nursery u r-relazzjoni mal-partitarji.

F’dan il-kuntest, il-kollaborazzjonijiet kummerċjali, fosthom dik ma’ Cross College Group bħala sponsor ewlieni, huma parti mill-ħidma biex il-klabb ikollu pedamenti aktar sodi għall-futur.

Għal Rabat Ajax, għalhekk, dan huwa perjodu li fih il-passat u l-preżent qed jiltaqgħu.

Min-naħa hemm l-ambizzjoni li t-tim jerġa’ jitla’ f’livell ogħla tal-futbol Malti, filwaqt li min-naħa l-oħra hemm ir-responsabbiltà li jinżamm ħaj il-wirt ta’ dawk li għamlu l-istorja tal-klabb.

Il-messaġġ ta’ Glen Micallef jibqa’ wieħed ċar: ambizzjoni għall-promozzjoni, ħidma

kontinwa u rispett lejn kull avversarju, filwaqt li Rabat Ajax jibqgħu kburin bl-istorja tagħhom u determinati li jiktbu kapitli ġodda ta’ suċċess.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here