Sunday, December 22, 2024

“Grazzi talli m’intomx tħalluna ngħumu weħidna fil-maltemp”

- Charmaine Ferriggi dwar iċ-ċkejkna tagħha Kate

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-suċċess tagħna bħala familja u kif ukoll ta’ Kate f’dan il-vjaġġ tagħha, qatt ma stajna niksbuh mingħajr l-appoġġ ta’ ħafna nies li ninsabu mdawrin bihom. 

Dan qalitu Charmaine Ferriggi, il-mama ta’ Kate, f’intervista li kellha ma’ dan is-sit, fejn irrimarkat li s-sena 2023 kienet mimlija sfidi, minħabba li din kienet sena li bdewha b’ġimagħtejn ta’ terapija intensiva fl-Islovakkja u ftit taż-żmien wara ċ-ċkejkna Kate għamlet ukoll operazzjoni ġewwa f’Malta.

L-omm qalet li ta’ kuljum, Kate kellha tgħaddi min diversi terapiji sabiex tkompli taħdem fuq il-kundizzjoni rari tagħha. Qalet ukoll li f’Settembru li għadda telgħu l-Italja, sabiex issirilha dik li tissejjaħ orthothic suit, li hija personalizzata u li tintuża biex tgħin lil Kate fil-pożizzjoni ta’ kif torqod.

Intant, f’Ottubru, huma telgħu l-Amerika, fejn hemmhekk iltaqgħu ma’ 40 familja li għandhom persuni bl-istess kundizzjoni ta’ Kate. Hija żiedet tgħid li permezz ta’ din l-esperjenza, irnexxielha tiltaqa’ mal-professura Dr. Tatton Brown, li skopriet ukoll il-kundizzjoni bħalma għandha Kate. 

Charmaine enfasizzat fuq il-fatt li minkejja li l-ħajja mhix faċli, hija tagħmel ċerta li ta’ kuljum jirnexxielha tlaħħaq mal-affarijiet tad-dar, filwaqt li filgħaxijiet tqatta’ l-maġġorparti tal-ħin tfissed lil Kate u tilgħab magħha. 

Meta mstoqsija dwar x’inhu mistenni għas-sena 2024, hija spjegat li ftit tal-ġranet oħra, Kate flimkien ma’ familtha se jerġgħu jsiefru lejn l-Islovakkja, biex tkompli bit-terapija intensiva tagħha. L-omm qalet li dawn it-tip ta’ terapiji se jkomplu wkoll lokalment, hekk kif għandha diversi sessjonijiet ibbukjati bil-quddiem. 

Hija qalet; “Se nitilgħu tlit darbiet f’pajjiżi differenti fl-Ewropa għal terapiji oħra, li lkoll għandhom l-għan li jistimulaw il-moħħ u li jkunu jistgħu jgħinuha tavvanza fl-attenzjoni, fil-konċenntrament u fil-memorja. Dawn se jkunu qed jgħinuha wkoll tiżviluppa l-mod kif tikkomunika ma’ dak li jkun”.

Fissret li bħala omm se tkun qiegħda timxi pass pass flimkien ma’ żewġha li jagħtiha ħafna appoġġ sabiex jaslu fejn jixtiequ. Ix-xewqa tagħhom bħala ġenituri, hi dik li jaraw lil Kate timxi u titkellem. 

Temmet tgħid li minkejja kull ostaklu, Kate ta’ kuljum, tibqa’ taħdem u tirsisti u li t-tbissima tagħha timlielhom qalbhom b’ħafna ferħ, imħabba u kuraġġ. 

Ekonomija

Sport