“Jgħaddi kemm jgħaddi żmien, imħabbti għalik se tibqa’ tikber anke jekk dan il-vjaġġ mingħajrek se jkun l-iktar wieħed iebes għalija”. Iddikjarat dan il-maħbuba ta’ Shawn Curmi, ir-raġel li fl-aħħar sigħat tilef ħajtu wara li waqa’ minn għoli f’residenza fiż-Żejtun.
Tessabbelle Camilleri ddeskriviet lil Curmi bħala raġel ta’ ispirazzjoni u li kellu qalbu tad-deheb. Kompliet biex tirringrazzjah ta’ kull meta kien hemm biex jagħtiha s-sapport li kellha bżonn.
“Grazzi talli urejtni xi tfisser l-imħabba u li tkun rispettata, grazzi ta’ kulma għamilt miegħi u l-ħin li qsamt miegħi. Qatt m’jien se ninsa leħnek, t-tbissima sabiħa tiegħek jew il-ħarsa f’dawk għajnejk sbieħ”, żiedet tikteb il-maħbuba.
Camilleri saħqet li se tkun qiegħda timmisjah ma’ kull jum li jgħaddi b’mod speċjali meta tiftakar f’dak kollu li kellhom pjanat għal din is-sena u għall-futur.
“Għadni qiegħda nipprova naċċetta l-fatt li mhux se nkun nista’ nġbek lura u ma nafx kif se jirnexxieli. Għadni qiegħda nistenniek iċċempilli… Strieħ fis-sliem qalbi. Inħobbok għal dejjem ta’ dejjem”, temmet tikteb Camilleri.