Friday, April 19, 2024

Grech jgħid li l-PM qed jaċċetta u jinkoraġġixxi gvern “jintenn bil-korruzzjoni”

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożiizzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru qed jaċċetta u jinkoraġġixxi gvern li fi kliemu jintenn bil-korruzzjoni u jintenn bl-ineffiċjenza. Waqt li kien qiegħed jindirizza l-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-estimi għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Grech qal: “Inthom gvern li jintenn” filwaqt li aktar qabel huwa qal li ż-żgħażagħ tagħna qed jgħidu li xebgħu f’dan il-pajjiż “b’dawn il-politiċi maħmuġin”.

Grech qal: “Il-poplu qed jgħajjat għal politika differenti, għal politiċi li huma differenti kompletament u aħna dak li se nkunu qed nagħmlu. Gvern ġdid Nazzjonalista se jibda biex qabel kollox ikollna Parlament li jaħdem aħjar, bil-parlamentari li jkunu full-time u bir-riżorsi meħtieġa.”

Qal ukoll: “Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom bżonnijiet u ħolm li dan il-gvern ma jistax jissodisfa għax huwa aljenat wisq jaħseb fih innifsu u dawk il-ftit tal-qalba tiegħu. Irridu nkunu aħna li nitkellmu u naħdmu għas-setturi tas-soċjetà Maltija. Nemmnu b’saħħa kbira fil-kapaċità tal-Malti li jipproduċi, jikkompeti, joħloq u jkattar il-ġid. Nemmnu fil-prodott Malti.”

Fl-indirizz tiegħu Grech qal ukoll li l-bidla b’viżjoni li jrid il-PN hija ntiża biex tgħin u ssaħħaħ l-intrapriża lokali f’Malta u anke twassal lil diversi kumpaniji biex jesportaw aktar lejn swieq barranin biex permezz t’hekk ikabbru l-operat u l-profitti tagħhom.

“Aħna naraw il-valur tiegħek, mhux il-prezz tiegħek għax il-Labour iħares lejn il-prezz tiegħek. Irridu nħarsu lejn il-valur tiegħek, lejn il-valur tal-ħaddiem, u kif dan il-valur jibqa’ jiġi mġedded u miżjud. Huwa b’dan il-mod li rridu niġġieldu kontra l-prekarjat, iċ-cheap labour u l-għoli tal-ħajja,” sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa qal ukoll li l-gvern spiss ikollu dik li sejjaħ “amnesija” minkejja li fi kliemu qal li ma jafux jekk hix pjanata jew le, pero hija amnesija kollettiva u li ta’ spiss tolqot il-back benchers.

“Imma l-amnesija tagħkom, il-fatt li twegħdu u tinsew u tibqgħu ma twettqux, dik l-amnesija m’aħniex se nħallukom tikkastigaw biha l-poplu. Aħna lill-poplu, kif inhu d-dmir tagħna, se nkomplu nuruh kemm inthom qarrierqa, kemm intom twegħdu ħaġa u tagħmlu oħra, kemm turuh id-debba u tqabbżulu l-ħmara,” qal Grech.

Sport