Friday, April 26, 2024

Jiġi fi tmiemu l-kampjonat tal-Cross Country organizzat mill-club tal-atletika, La Salle

Aqra wkoll

L-aħħar tellieqa tal-kampjonat tal-Cross Country organizzata mill-club tal-atletika, La Salle ġiet fi tmiemha nhar il-Ħadd 14 ta’ Novembru, fil-kumpless sportiv tal-atletika fil-Marsa. Din is-sena l-kampjonat ra l-parteċipazzjoni ta’ madwar 190 atleta b’etajiet minn ħames snin sa 16-il sena, jagħmlu ħilithom fit-tlielaq kompetittivi u fil-fun runs.

Fil-kategorija maskili U16 (3.1km) rajna liċ-Ċampjin Nazzjonali u detentur tar-rekord tat-3K Julian Zarb (La Salle) jirbaħ it-tlielaq kollha tal-kampjonat b’vantagg imdaqqas fuq l-atleti l-oħra. Stefan Cassar u Thomas Grech li hadu t-tieni u t-tielet post, u li huma wkoll mill-club La Salle, baqgħu jissieltu sal-aħħar ftit metri tal-aħħar tellieqa biex gwadanjaw il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom. Amy Pirotta (Pembroke) ħarġet rebbieħa fit-tlielaq tan-nisa.

Fil-kategoriji U14 Alessandro Desira (Pembroke) rebaħ it-tlielaq kollha tas-subien b’Nick Bonett (Pembroke) jakkwista t-2 post u b’Matthew Azzopardi (La Salle) fit-tielet pożizzjoni wara tliet itlielaq ikkumbattuti mmens. Thea Grech (La Salle) ġiet fl-ewwel post fit-tlielaq tal-bniet kollha b’kontroll sal-aħħar fuq l-avversarji tagħha Steffi Dolci (Aloysians) li daħlet fit-tieni post u Chanelle Bezzina (Pembroke) li daħlet it-tielet.

Andre Gauci (Pembroke) kien ir-rebbieħ fil-kategorija U12 subien (1.1km) billi hu wkoll rebaħ it-tlielaq kollha fil-kategorija tiegħu. Zac Said Hollier (Pembroke) u Kurt Ciantar (Rush), li dejjem spiċċaw ftit sekondi bogħod minnu kull tellieqa, daħlu fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Fil-kategorija tal-bniet ta’ din l-età Giorgia Gwen Sciberras (Zurrieq Wolves) ġiet fl-ewwel post b’rebħa fit-tlielaq kollha, segwita minn Sara Giordani Imbroll (Mellieha) u Jade Abela D’Amato (Pembroke).

Għalkemm il-kampjonat tal-atleti individwali ġie fi tmiemu, f’Diċembru se nerġgħu naraw lil dawn l-atleti u oħrajn jingħaqdu flimkien f’timijiet u jikkompetu fil-Cross Country Relays li huma ppjanati li jsiru fil-kumpless tal-atletika fil-Marsa nhar il-Ħadd 12 ta’ Diċembru. L-applikazzjoni jiftħu onlajn fil-linkhttps://forms.gle/PfJbAwtskgss4YwZ9 fil-jiem li ġejjin. Għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat email fuq l-indirizz [email protected] jew iżżur il-paġna ta’ Facebook tal-klabb www.facebook.com/lasalleathleticsclub. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għat-tfal li twieldu bejn l-2006 u l-2015.

Sport