Wednesday, April 24, 2024

“Qed insegwu bi prudenza… kuntatt kontinwu mal-Maltin fl-Etjopja” – il-Ministru Evarist Bartolo

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kiber sew il-kunflitt fl-Etjopja, fejn operazzjoni militari li suppost kellha tieħu ftit jiem f’Novembru tas-sena li għaddiet biex tistabbilixxi l-ordni f’Tigray, wasslet għal kunflitt li issa daħal fit-tieni sena tiegħu. Kunflitt li fih saru atroċitajiet kbar kemm minn naħa u kemm minn naħa oħra. Etjopjani jirrakkontaw stejjer ta’ qtil, tortura u stupri, liema stejjer kienu anke investigati minħabba ksur tal-liġijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-kunflitt illum tant eskala li qed jitqajmu anke dubji dwar x’se jiġri mill-futur tal-Etjopja. Pajjiżi barranin ħarġu twissijiet ta’ vjaġġar u jidher li anke kien hemm persuni barranin li ddeċidew li jitilqu mill-pajjiż minħabba l-kunflitt. Fl-Etjopja, Malta għandha diversi Maltin u proġetti ta’ missjunarji. Fil-kapitali hemm l-orfanatrofju immexxi mis-sorijiet Franġiskani Maltin u li miegħu għandhom ukoll skola. Dan is-sit talab kumment lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo dwar is-sitwazzjoni b’mod partikolari jekk il-Maltin humiex se jinħarġu  minn dan il-pajjiż.

Il-Ministru qalilna li “qegħdin insegwu bi prudenza, anki ma’ pajjiżi oħrajn. Għalissa mhux se jinħarġu l-Maltin imma żgur ma nkunux irridu npoġġu n-nies fil-periklu. Qegħdin f’kuntatt kontinwu mad-diplomatiċi tagħna f’Addis Ababa u huma qegħdin f’kuntatt kontinwu mal-Maltin hemmhekk”.

Sorsi li tkellmu ma’ talk.mt u li jinsabu f’Addis Ababa qalulna li “l-inċertezza tinħass.  Il-biża’ hi waħda. Dan hu pajjiż li fih ammont kbir ta’ gruppi etniċi. Hemm biża li l-pajjiż jispiċċa fi gwerra ċivili. Jekk dan iseħħ din twassal għal katastrofi umana.  Hawn żoni li ilhom xhur ma jaslulhom provvisti ta’ ikel u mediċini. Is-sitwazzjoni hi allarmanti. Fil-belt għalkemm hawn il-kalma, tara movimenti li qisu l-kunflitt mhux il-bogħod”.

Inkwetati bis-sitwazzjoni fl-Etjopja

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo jitkellem dwar is-sitwazzjoni u jgħid li “inkwetati bis-sitwazzjoni fl-Etjopja. Ngħid li l-għaxar persuni Maltin li nafu bihom hemm jinsabu tajbin. Għandna żewġ diplomatiċi tagħna, kif ukoll qassisin u reliġjużi rġiel u nisa li jinkludu lin-Nunzju Apostoliku Monsinjur Antoine Camilleri. Għandna mbagħad żewġ sorijiet Franġiskani li Ilhom hem iżjed minn 50 sena jieħdu ħsieb orfanatrofju ta’ madwar 80 tifel u tifla.

Żewġ sorijiet oħra jaħdmu fi skejjel, oħra ma’ ta’ Madre Tereza u avukat li jaħdem mal-Unjoni Afrikana. Dawn kollha jinsabu fil-belt kapitali Addis Ababa waqt li Ġiżwita jinsab f’Debre Zeit, 150 kilometru barra ‘l bogħod u bħalissa mhemmx gwerra hemmhekk. In-nies tagħna f’Addis Ababa jgħidulna li hemmhekk huwa kalm u ma żdiditx il-preżenza militari u n-nies għaddejjin bil-ħajja tas-soltu. Mhemm l-ebda paniku biex in-nies jixtru u jaħżnu u s-servizzi tad-dawl u tal-internet qed jaħdmu regolarment. L-ambaxxati tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea għadhom miftuhin bl-istaff essenzjali biss. Għalissa ma jidhirx li se jirtiraw. Bħalhom in-nies tagħna qed joqogħdu attenti, ma joħorġux barra wara li jidlam. Diffiċli tgħid kif inhi s-sitwazzjoni barra l-belt kapitali għax qed tinbidel minn jum għall-ieħor. Aħna ninsabu fl-Etjopja bħala parti mill-viżjoni tagħna fit-tul għall-Afrika. B’112 miljun ruħ hija t-tieni l-akbar pajjiż Afrikan u fl-aħħar seba’ snin kellha tkabbir ekonomiku ta’ 11 fil-mija kull sena b’ekonomija li għadha bbażata fuq il-biedja.”

Il-Ministru Bartolo jgħid li “l-pajjiż, anki fil-paċi diffiċli żżommu magħqud bi 80 grupp etniku differenti. Żgur li ftit kliem mhux biżżejjed biex tispjega realtà kkumplikata bħall-Etjopja u l-ġirien tagħha b’passat ta’ gwerer jinvolvu lir-reġjun Tigray kontra l-Eritreja. Fl-aħħar sena reġghet faqqgħet gwerra bejn it-Tigray u l-Etjopja. Eluf qed jisfaw maqtula. Iżjed minn żewġ miljun ruħ telqu minn djarhom, qed isofru l-ġuħ u qed jitwettqu ħruxijiet tal-biża`.

Sadanittant Addis Ababa hija l-kapitali tal-kontinent Afrikan għax fiha hem il-kwartieri ġenerali ta’ l-Unjoni Afrikana li tiġbor fiha 54 pajjiż.

Il-ġirien tagħna fl-Afrika ta’ Fuq, fix-xatt ta’ taħtna tal-Mediterran, huma kollha membri tal-Unjoni Afrikana. Huwa fl-interess tagħna li jkollna relazzjonijiet tajbin mal-Unjoni Afrikana li tiġbor fiha pajjiżi bħal-Libja, l-Eġittu, it-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk. Mal-Unjoni Afrikana rridu naħdmu fl-oqsma tal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran u fl-Afrika, tal-kummerċ u tal-emigrazzjoni. Bħala membri tal-Unjoni Ewropea għandna sehem x’nagħtu wkoll fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, żewġ kontinenti ġirien li huma marbutin ma’ xulxin. Minn Addis Ababa se nilħqu wkoll pajjiżi Afrikani oħra bħal Djibouti, Rwanda u n-Namibja u nikkordinaw mal-ambaxxata tagħna f’Akkra fil-Gana. Tajjeb li ninsabu f’Addis Ababa minħabba s-sehem tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li qed naħdmu biex niksbu siġġu fih għas-snin 2023 u 2024. Tajjeb li naraw b’għajnejna u nmissu b’idejna r-realtà Afrikana biex nifhmu aħjar dan il-kontinent ġar tagħna b’tant diversità ġo fih fejn jgħixu 1.3 biljun ruħ. Aktar ma jgħaddi żmien aktar se jsir kontinent importanti b’ħafna sfidi iva, iżda b’ħafna opportunitajiet fih ukoll li minnhom nistgħu ngawdu”, qal il-Ministru Bartolo.

Il-kunfitt li beda sena ilu

Il-kunflitt bejn il-forzi tal-Gvern fl-Etjopja u t-Tigray People’s Liberation Front  ftit jiem ilu daħal fit-tieni sena tiegħu. Minkejja tentattivi li saru jidher li ftit li xejn hemm tama li l-kunflitt jintemm.

Sorsi minn Addis Ababa li tkellmu ma’ dan is-siit qalulna li “qed nistennew li l-jiem jew ġimgħat li ġejjin ikunu kruċjali. Bħalissa is-sitwazzjoni hi dik li kemm naħa u kemm oħra qed jitkellmu fuq rebħa. Eżattament x’inhi s-sitwazzjoni ma nafux. Il-biża li hawn hi li jista’ jkun hawn kunflitt għat-tul, b’konsegwenzi kbar.”  L-istess sorsi qalulna li diġa qed isiru twissijiet ta’ vjaġġar lejn l-Etjopja. 

Dan il-kunflitt kellu l-bidu tiegħu f’Novembru tas-sena li għaddiet meta forzi ta’ Tigray attakkaw bażi militari tal-Gvern federali. Il-gvern Etjopja, dak kien kien tkellem fuq operazzjoni ta’ infurzar u beda offensiva.  Issa sena wara l-Etjopja tinsab f’kunflitt kbir u li wieħed jista’ jxebbħu ma’ dak li kien ġara fir-Sirja.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Etjopja hi ffurmata minn xejn inqas minn 80 grupp etniku. B’dawn il-kunfitt dawn issa spiċċaw f’kunflitt bejniethom fosthom ta’ ġlieda, tkissir, attakki u stupri. 

L-istejjer li qed jirrakkontaw l-Etjopjani stess, juru l-possibilità ta’ ksur tal-liġijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem. 

Is-sitwazzjoni marret għall-agħar

Il-kunflitt kompla jmur għall-agħar u dan meta forzi minn Tigray bdew javvanzaw u jinsabu ftit aktar minn 300 kilometru bogħod mill-kapitali Addis Ababa. Quddiem dan il-gven Etjopja beda kampanja kontra organizazzjonijiet internazzjonali li huma attivi fil-pajjiż fosthom dawn in-Nazzjonijiet Uniti. Hu qed jakkużahom li qed jikkollaboraw mal-forzi ta’ Tigray.  Filfatt l-istess gvern keċċa seba’ uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u dan b’akkużi ta’ interferenza. Dawn l-uffiċċjali kienu jiffurmaw parti mill-World Food Programme u dawn kienu spiċċaw inżammu f’belt li tinsab fi triq li tagħti lejn Tigray, post li jinsab mifni minn nuqqas kbir ta’ ikel.

Biż-żieda fil-kunflitt, l-Istati Uniti  qed tikkunsidra li timponi sanzjonijiet fuq Addis Ababa u anke imponew sanzjonijiet fuq il-militar tal-Eritrea u uffiċjali oħa Eritej minħabba ir-wol li ħadu fil-kunflitt tal-Etjopja.

X’jista’ jiġri fil-jiem u ġimgħat li ġejjin?

Waħda mill-mistoqsijiet li qed issir hi dik ta’ x’jiġri jekk tintrebaħ Addis Ababa, u dan minħabba l-fatt li l-forzi ta’ Tigray qed jgħidu li rebħu l-ibliet strateġiċi ta’ Dessie u Kombolcha fir-reġjun Amhara, madwar 300 kilometru bogħod minn Addis Ababa.  Il-forzi ta’ Tigray qalu li kienu sejrin lejn il-lvant, lejn il-belt ta’ Mille, li tinsab fi triq importanti li tieħu lejn Djibouti. Jekk jirbħu din il-belt, tkun rebħa kbira minħabba li minnha jistgħu jikkontrollaw ħafna aħjar il-wasla ta’ ikel għal żoni f’Tigray li għandhom nuqqas kbir ta’ ikel, waqt li fl-istess ħin ikunu jistgħu jimblukkaw provvisti ta’ ikel għall-kapitali.  Il-forzi ta’ Tigray qed jgħidu li m’għandhom ebda ħsieb li jieħdu it-tmexxija tal-pajjiż, dikjarazzjoni li wieħed ikun jista’ jitkellem aktar fuqha fil-jiem u ġimgħat li ġejjin bil-mod kif se jiżvolġi l-kunflitt.

Sport