Thursday, March 28, 2024

Il-kowċ akkużat li kkorrompa minorenni jingħata l-ħelsien

Aqra wkoll

Il-kowċ tat-tim tat-tfajliet li għadd ta’ jiem ilu kien mixli li kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena ingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000. L-akkużat, qed jiġi mixli wkoll li ħa vantaġġ minn tfajla li kienet fdata fil-kura tiegħu, u dan bħala l-kowċ sportiv tagħha.

Ta’ min jgħid li isem l-anzjan ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tkun protetta l-identità tal-vittma. Hu kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li ripetutament issuġġetta tifla vulnerabbli għal imġiba offensiva, umiljanti u degredanti.

Fil-Qorti kien issemma li l-allegat abbuż kien ġie rrapputat mill-Aġenzija Appoġġ wara li t-tifla fetħet qalbha u qalet lill-ħaddiema soċjali dwar it-tbatija li kienet tgħaddi minnha hekk kif kienet sofriet minn avvanzi sesswali minn raġel.  

Dan kaġun tal-avvanzi sesswali tal-anzjan meta bħala coach tal-isports kien iwassalha minn u lejn id-dar u fil-ħin li kienu jkunu waħedhom kien jaqbilha partijiet minn ġisimha kontra r-rieda tagħha.

Fil-Qorti issemma kif it-tifla kienet tgħidlu biex jieqaf u hu kien iwissiha biex ma tgħid lil ħadd biex ma ġġibux fl-inkwiet. Wara dawn l-atti, it-tfajla kellha bżonn għajnuna psikjatrika wara li allegatament uriet tendenzi ta’ suwiċidju.

L-Avukat Angele Vella, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kienet opponiet bil-qawwa kollha biex l-akkużat jingħata l-pleġġ u dan peress li kien diġà nstab ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni.

Dr Vella kienet qalet ukoll li waqt l-arrest tiegħu nhar il-Ħadd, il-Pulizija sabu ritratt fil-mobile li allegatament kien ħa ta’ żewġ tfajliet żgħar li kienu għaddejjin fit-triq. Meta kien ikkonfrontat dwar ir-ritratt, qalet li l-kowċ tbissem u baqa’ kalm.

L-akkużat kien instab ħati li kkorrompa minorenni fis-snin sebgħin ingħata l-pleġġ fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx lejn ir-Rabat u l-inħawi fil-madwar, li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa f’għassa tal-Pulizija u li ma jistax jikkowċja.

Ekonomija

Sport