Wednesday, December 25, 2024

Grech jgħid li l-PN ħareġ manifest malajr biex jiddiskuti l-viżjoni tiegħu fil-Gvern

Aqra wkoll

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ħareġ il-programm elettorali malajr kemm jista’ jkun biex issir diskussjoni dwar dak li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern irid jaħdem għalih. Sostna li għalhekk il-Partit Nazzjonalista kompla u se jkompli bil-konsultazzjoni. 

Qal li l-Partit Nazzjonalista l-affarijiet jagħmilhom billi jinċentiva lil min iħaddem biex jerfa’ r-responsabbiltà soċjali tiegħu fil-prinċipji ESG. Dan qed jagħmlu għaliex il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-konsultazzjoni u fid-djalogu u dejjem emmen li s-soluzzjonijiet qegħdin għand kulħadd.

Dr Grech qal li miegħu ħadd mhu se jsib falsità. “Aħna għandna l-prinċipji li nibqgħu nisimgħu u niddeċiedu biss wara li naraw li dak ikun ta’ benefiċċju għall-poplu u għas-settur li naħdmu fih’.

Dwar is-sħubija mandatorja tal-ħaddiema fi trejdunjin, il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li huwa jaqbel mad-dritt tal-ħaddiem li jissieħeb f’union kif tgħid il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna però mhux b’impożizzjoni imma li l-ħaddiem jingħata l-opportunità li jkollu rappreżentanza ħalli d-drittijiet tiegħu f’dan il-pajjiż ikunu verament imħarsa b’inċentivi lil min iħaddem.

Bernard Grech reġa’ tenna l-frażi ‘What you see is what you get’ b’riferenza għall-ESG Criteria Compliance u qal li pajjiżna għandu bżonn politika awtentika li wieħed ikun jaf fejn qiegħed ma’ dawk il-persuni afdati bit-tmexxija tal-pajjiż. 

Qal li hemm konverġenza bejn il-proposti tan-negozji u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista kif imfissra fil-manifest elettorali tal-partit tiegħu fosthom is-settur marittimu, il-governanza u l-finanzjament tal-partiti, level playing field għan-negozji, l-edukazzjoni, ir-riżors uman, l-infrastruttura u d-diġitaliżazzjoni.

Filwaqt li qal li huwa tajjeb li nsostnu lil min ikollu bżonn biex jimxi ‘l quddiem, sostna li f’għaxar snin ma nħoloqx settur ekonomiku wieħed ġdid f’pajjiżna. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jonfoq biljun ewro biex jinħolqu għaxar setturi ekonomiċi ġodda f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport