Friday, May 3, 2024

Inawgurat ġnien pubbliku f’ġieħ il-vittmi tal-COVID-19

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, fetaħ id-diskors tiegħu f’Raħal Ġdid waqt l-inawgurazzjoni ta’ ġnien pubbliku f’ġieħ l-imwiet tal-COVID-19, billi rrikonoxxa s-sagrifiċċju li għamel il-poplu Malti matul dawn is-sentejn ta’ pandemija. Huwa sostna li dawk li għamlu l-akbar sagrifiċċju huma l-persuni li mardu jew saħansitra ġarrithom il-mewt minħabba l-marda tal-COVID-19. Fearne fakkar li l-ewwel każ ta’ mewt relatat mal-COVID-19 kien fit-8 t’April 2020.

Fearne rrikonoxxa li daż-żmien ta’ pandemija kien wieħed iebes immens għal Malta. Però minkejja dan hu sostna li kien żmien ukoll fejn il-poplu Malti wera kemm hu magħqud għax kulħadd ġibed ħabel wieħed. Ma naqasx milli għaraf ukoll l-għajnuna mogħtija mill-gvern lill-poplu Malti, fosthom permezz tal-wage supplements u l-vawċers, ġie mnaqqas il-piż fuq dawk li qed jixtru l-propjetà. Għaldaqstant, Fearne kompla jargumenta li l-ekonomija tinsab fuq quddiem nett biex terġa’ tibda tirranka, hekk kif jidher li hemm irkupru fis-sitwazzjoni tal-COVID-19.

Fearne saħaq li Malta kellha suċċess f’din il-pandemija. Fil-fatt fakkar li Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li laħqet il-herd immunity tal-massa u sostna li bħalissa għandna immunità pjuttost għolja. Madanakollu, huwa ma naqasx milli jirrikonoxxi l-imwiet li seħħew sal-lum. Kompla jargumenta li 92% tal-imwiet tal-COVID-19 seħħew fost l-anzjani.

Il-Ministru tas-Saħħa ddeskriva dan il-ġnien bħala “Memorja ħajja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom”. Huwa ħeġġeġ lil dawk kollha li mitulhom xi familjari bil-COVID-19, sabiex iżuru dan il-ġnien.

Waqt din il-kommemorazzjoni, ma naqasx ukoll milli jiġu msemmija r-raġunijiet li qed iwasslu biex jerġgħu jiżdiedu n-numri ta’ każi pożittivi fil-komunità:

  • Il-fatt li bħalissa għandna varjant ieħor tal-Omicron li huwa daqsxejn iktar b’saħħtu.
  • Kellna perjodu kiesaħ, u għalhekk dan ma jgħinx fejn jidħol mard respiratorju.
  • Kellna rilaxx fil-miżuri tal-COVID-19.
  • Żieda fil-mobilità, kemm minħabba l-attivitajiet politiċi, u minn hawn u ftit ieħor se jkollna ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid u l-festi.

Minkejja dan, illum għandna biss persuna waħda l-ITU. Dan huwa l-inqas numru li qatt kellna sa minn Novembru li għadda. Fearne sostna li għandna nibqgħu kunfidenti li s-sitwazzjoni hija tajba u tinsab taħt kontroll.

Fearne fakkar li min-nhar it-Tnejn li għadda l-użu tal-maskli fil-postijiet pubbliċi fl-apert tneħħew, kemm għal dawk li huma mlaqqmin u għal dawk li mhumiex. Barra minn hekk fakkar ukoll xi restrizzjonijiet li se jkunu rilaxxati x-xahar id-dieħel:

  • Mill-1 t’April ħa tibqa’ possibbli li jsiru tiġijiet bi 300 ruħ bilwieqfa.
  • Mill-10 t’April l-avvenimenti bilwieqfa jistgħu jsiru kemm ġewwa u kemm barra mingħajr limitazzjonijiet ta’ numri. Dawk li jsiru fuq barra jista’ jattendi għalihom kulħadd filwaqt li dawk li jsiru ġewwa huma limitati għal min ħa t-tilqim kollu. Sostna li dan ir-rilaxx tal-miżuri jgħodd ukoll għall-ispettaturi f’attivitajiet sportivi; l-ispettaturi se jkunu jistgħu joqogħdu bilwieqfa u diment li jkunu fuq barra m’hemmx għalfejn ċertifikat tat-tilqim.

Il-Ministru tas-Saħħa indirizza wkoll is-sitwazzjoni tas-safar. Huwa qal li dawk l-individwi li jżuru l-gżira tagħna  u li bħalissa pajjiżhom jinsab fuq il-lista l-ħamra, jekk għandhom tilqima rikonoxxuta mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa imma mhux rikonoxxuta mill-EMA, dawn irid ikollhom test negattiv tal-iswab test tal-PCR. Żied jgħid li bħalissa jinsabu għaddejjin diskussjonijiet bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea bil-għan li fix-xhur li ġejjin se jkun qed jiġi deċiż jekk għandux ikun estiż dan il-prinċipju. Barra minn hekk fil-ġranet li ġejjin se jiġi diskuss sabiex jaraw x’jista’ jsir dwar dawk l-individwi li għandhom bejn it-12 u s-17-il sena li ħadu l-ewwel tilqima, ħalli wara li jkunu għaddew 9 xhur mill-ġurnata tat-tilqima jkunu jistgħu jivvjaġġaw xorta waħda.

Sport