Tuesday, September 24, 2024

Grech jgħid li se jwaqqaf tim immexxi minnu biex jagħti tama u direzzjoni lin-nies

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna staqsa fejn jinsab il-Prim Ministru Robert Abela.

Grech qal li l-Prim Ministru jinsab moħbi quddiem diversi mistoqsijiet fosthom jekk hemmx pjan biex l-iskejjel ma jingħalqux u jekk hemmx strateġija biex il-Milied li ġej ma jintilifx għas-sidien tal-ħwienet.

Grech sostna wkoll li l-Prim Ministru kellu jdur fuq il-Ministru Silvio Parnis u jġiegħlu jerfa’ r-responsabbilitajiet tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li minħabba li l-gvern qiegħed f’paniku u m’għandu ebda strateġija, se jkun qed iwaqqaf tim li se jaħdem bla waqfien biex iħejji pjan li jagħti tama u direzzjoni lin-nies.

Dan it-tim se jinkludi lil Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Clyde Puli, Stephen Spiteri u Maria Deguara. Huwa qal li dan it-tim immexxi minnu se jkun qed jagħmel laqgħat biex joħroġ bi pjan ta’ strateġija ċara.

Sport