Friday, November 22, 2024

“Grech m’għandux jaċċetta l-iskużi bażwija ta’ Thake li ma ħallasx il-VAT minħabba l-Covid-19” – Il-PL

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu test ieħor quddiemu bl-aħbar żvelata fit-Times of Malta llum li deputat minn tiegħu għandu iktar minn kwart ta’ miljun ewro (€270,440) f’VAT xi jħallas lill-Kummissarju tat-Taxxi. VAT li nġabar mingħand il-klijenti u żammha f’butu minflok għaddiha lill-Istat kif inhu dovut.

Il-Partit Laburista fakkar li fl-aħħar jiem Bernard Grech tkellem dwar l-evażjoni tat-taxxa u issa għandu każ ċar ta’ evażjoni qawwija ta’ taxxa fil-grupp parlamentari tiegħu stess, jekk irid tassew juri li jemmen dak li jiktbulu fi status wara ieħor li jtella’ fuq facebook.

L-istqarrija tkompli li kulħadd jifhem li Bernard Grech se jibqa’ jkollu problema ta’ kredibbiltà għax hu nnifsu evada t-taxxa kontinwament sakemm aċċetta li jitqiegħed Kap tal-Partit Nazzjonalista. Żied jgħid li Grech m’għandux jaċċetta l-iskużi bażwija li ta David Thake mat-Times of Malta li waħħal fil-Covid meta dak irrapportat jixhed li l-aġir abbużiv tiegħu imur iktar minn hekk.

Skont ir-rapport f’The Times of Malta, il-Kumpanija ta’ David Thake Vanilla Telecoms tinsab lura fil-ħlas ta’ VAT u li għaddejjin preparamenti għal pjan mal-awtoritajiet biex jitħallas l-ammont dovut. Skont l-istess rapport, Thake ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat f’taħditiet mad-dipartiment konċernat biex ikun jista’ jintlaħaq qbil dwar dan il-ħlas.

Intant min-naħa tiegħu Thake kkonferma din iċ-ċifra u qal li l-ammont dovut fil-verità huwa anqas u madwar €174,790 minħabba traħħis li kien hemm mal-introduzzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jgħinu lin-negozji jegħlbu l-isfidi tal-pandemija. Huwa sostna li l-kumpanija tiegħu qiegħda daqstant lura għax dejjem iddikjarat kull ċenteżmu ta’ dħul.

Sport