Sunday, December 22, 2024

Grupp ta’ tfal jżuru l-Palazz ta’ Sant’Anton għal laqgħa mal-President Myriam Spiteri Debono

Aqra wkoll

Grupp ta’ tfal li jattendu ċ-ċentri tal-Optimist Club of Malta kellhom l-opportunità li jżuru l-Palazz ta’ Sant’Anton għal laqgħa mal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.

Akkumpanjati mit-tmexxija ta’ dawn iċ-ċentri, kif ukoll żgħażagħ voluntiera, diversi tfal preżenti kellmu individwalment lill-President dwar il-problemi personali tagħhom.

Rita Micallef, Segretarja tal-Optimist Club of Malta, fissret iż-żjara fil-Palazz ta’ Sant’Anton bħala waħda li “ser isservi ta’ ġid kbir għat-tfal għax raw li għalkemm il-President ta’ Malta għandha pożizzjoni għolja fis-soċjetà Maltija, hija bniedma li tieqaf biex tisma’ u tara l-problemi individwali li kellmuha dwarhom uħud mit-tfal.”

L-Optimist Club of Malta hi għaqda volontarja li twaqqfet fl-2021 biex tgħin tfal ħalli wara l-ħin tal-iskola jagħmlu l-homework u jistudjaw f’ambjent komdu, kif ukoll jipparteċipaw f’logħob edukattiv, krafts u sessjonijiet ta’ qari.

It-tfal li żaru l-Palazz tal-President, kemm Maltin kif ukoll oħrajn li ġejjin minn familji li kellhom iħallu pajjiżhom, huma parti mill-proġett ‘Ikber Magħna Sajf’ tal-Optimist Club of Malta.

Dan il-proġett jilqa’ fih madwar 100 tifel u tifla ta’ etajiet bejn is-seba’ u l-għaxar snin minn seba’ lokalitajiet differenti: il-Birgu, il-Ħamrun, l-Imsida, Raħal Ġdid, il-Marsa, il-Belt Valletta u s-Swieqi. Il-proġett huwa kollu mingħajr ħlas u matulu t-tfal ikollhom attivitajiet varji, fosthom sessjonijiet ta’ tpinġija, ħruġ u sessjonijiet ta’ logħob u krafts.

Bħalissa, l-Optimist Club of Malta għaddej b’ħidma biex jiftaħ it-tmien ċentru tiegħu f’Malta, u t-tmexxija spjegat li dejjem hemm il-bżonn ta’ iktar voluntiera biex jingħaqdu mal-voluntiera żgħażagħ li diġà qegħdin jgħinu fil-ħidma.

Il-President faħħret il-ħidma tal-Optimist Club of Malta, irringrazzjat lit-tmexxija u partikolarment lill-voluntiera li huma kollha żgħażagħ, u enfasizzat l-importanza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li huma ta’ sapport għall-familji.

Ekonomija

Sport