Ġurat li qiegħed iservi fil-ġuri “Ta’ Maksar” ġie mmultat mill-Imħallef Edwina Grima €1,000 wara li sabitu ħati ta’ disprezz wara li nqabad b’tablet.
Bħalissa fil-Qorti ta’ Malta qiegħed jinstema l-ġuri fejn hemm akkużati tal-aħwa Robert u Adrian Agius, Ta’ Maksar, Jamie Vella u Alfred Degiorgio mixlija bl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-avukat Alfred Chircop
L-espert tekniku Martin Bajada qal fil-Qorti li fl-aħħar ġimgħa ta’ April, il-ġurat daħal f’siti tal-aħbarijiet u anke uża ChatGPT biex ifittex informazzjoni dwar ġuriji.
Iżda fl-istess ħin Bajada jgħid li dawn it-tfittxijiet ma kinux speċifikament relatati mal-każ inkwistjoni.
Ir-rapport li ġie ppreżentat lill-Imħallef jinkludi wkoll komunikazzjonijiet personali mal-familja tiegħu, inklużi chats fuq Messenger ma’ ibnu, fejn ġie diskuss il-proċess ġudizzjarju u anke l-fatt li t-tablet tal-ġurat kien intuża waqt il-ġuri.
F’messaġġ li bgħat lil ibnu, il-ġurat qallu li kien ħa miegħu tablet biex ikun jista’ jkellimhom, iżda ma kellu jgħid xejn lil ħadd ħlief lil martu.
L-espert Bajada kkonferma li t-tablet ma kellux SIM card li tippermetti komunikazzjoni tradizzjonali.
Wara li l-Qorti ssospendiet s-seduta temporanjament biex tippermetti lill-partijiet jaqraw bir-reqqa r-rapport, id-difiża ddikjarat li m’għandiex oġġezzjoni biex jitkompla l-ġuri.
L-Imħallef Edwina Grima sabet lill-ġurat ħati ta’ disprezz u mmultatu €1,000.