Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana ħabbru li ġurnata minn ħamest ijiem tal-carers’ leave ser tkun imħallsa għall-ħaddiema tas-settur pubbliku.
Dan hekk kif mil-lum, daħlu fil-liġi drittijiet ġodda biex jintlaħaq aktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, fosthom 10 ijiem leave tal-paternità, il-leave ta’ erba’ xhur għall-ġenituri li xahrejn minnhom se jkunu mħallsa, id-dritt tal-flessibilità fuq il-post tax-xogħol u l-5 ijiem carers’ leave.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li b’din id-deċiżjoni, is-Servizz Pubbliku qed ikompli jinvesti fl-uffiċjal pubbliku, iżomm il-kompetittività tiegħu u jibqa’ jservi ta’ model employer li jinċentiva setturi oħra jagħmlu bħalu.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li l-gvern irid iwassal il-messaġġ li dawn id-drittijiet qegħdin hemm biex jiżdiedu. Huwa rringrazzja lis-segretarju permanenti ewlieni talli assigura li l-gvern imur over and above tal-minimu legali fejn jidħol il-leave tal-carers.
Id-drittijiet il-ġodda huma biss l-ewwel pass, bil-gvern kommess li jkompli jibni fuq dawn id-drittijiet li joffru bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol sabiex il-ħaddiema jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.