Friday, October 23, 2026
Home Sport Ġurnata oħra pożittiva għat-timijiet Maltin tal-Blackball

Ġurnata oħra pożittiva għat-timijiet Maltin tal-Blackball

0
75

Ir-raba’ ġurnata tal-WPA Blackball World Championships f’Londra rat lill-kontinġent Malti impenjat kemm fil-kompetizzjonijiet tat-timijiet kif ukoll f’dawk individwali u tad-doubles.

Fit-timijiet, it-tim tal-irġiel B kisbu rebħa importanti ta’ 15-10 kontra l-Irlanda filwaqt li aktar tard sofra telfa ta’ 14-11 kontra l-Marokk.

Min-naħa l-oħra, it-tim ta’ taħt it-18-il sena għeleb lill-Afrika t’Isfel 9-6 u lill-Messiku 13-2, wara li aktar kmieni tilef 9-6 kontra Franza.

Fil-kompetizzjoni individwali tal-irġiel kien hemm diversi rebħiet tal-plejers Maltin. Clayton Castaldi għeleb lil Alexandre Buscetti 6-4, Neil Caruana rebaħ 6-2 kontra Barry Fitzpatrick, Keith Caruana għeleb lil Herizo Nirina 6-0, Miguel Amato rebaħ 6-2 kontra Tim Riley, Gabriel Vella għeleb lil Sean Thicthener 6-2 u Clint Azzopardi rebaħ 6-3 kontra Houssam El Amrani.

Riżultati pożittivi waslu wkoll fid-doubles, b’rebħiet għal Keith Caruana/Gabriel Vella, Gary Carr/Mevrick Zammit, Miguel Mizzi/Clevion Micallef u Clint Azzopardi/Miguel Amato.

Diversi Maltin oħra għaddew ukoll mill-ewwel round permezz ta’ bye, hekk kif il-kompetizzjoni f’Londra tkompli b’aktar impenji għall-kontinġent Malti.

Illum se tkun ġurnata oħra impenjattiva hekk kif diversi plejers Maltin se jkunu fl-azzjoni fit-tieni round tal-Men’s World Grand Prix.

Il-partiti jibdew fil-11.00am ħin ta’ Malta, b’Mevrick Zammit jiltaqa’ mal-Marokkin Ayoub Bakhtaoui, filwaqt li Chaylon Castaldi jaffronta lil Irfaan Williams tal-Afrika t’Isfel.

Żewġ plejers Maltin oħra se jiltaqgħu ma’ avversarji mill-Afrika t’Isfel, b’Gabriel Vella jilgħab kontra Jordan Govindasamy u Casdy Vella kontra Dalron Booysen.

Miguel Mizzi jiltaqa’ mat-Taljan Thomas Zantedeschi, filwaqt li Miguel Amato jilgħab kontra Aaron Downey. Johan Attard jaffronta lill-Ingliż Tony Griffin u Matthias Debono jiltaqa’ ma’ Bharat Ramakrishna tal-Indja.

Clint Azzopardi għandu konfront kontra l-Franċiż Alexis Klinka, Keith Caruana jilgħab kontra Oussama Masskini tal-Marokk, filwaqt li Clayton Castaldi jiltaqa’ mal-Ingliż Mark Badham.

Aktar tard, fis-1.00pm ħin ta’ Malta, Jake Castaldi jkun fl-azzjoni fit-tieni round tal-Youth World Grand Prix, fejn se jaffronta lill-Ingliż Harley Harrison.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here