Friday, May 3, 2024

ĠUSTIZZJA AKTAR EFFETTIVA MAL-VITTMI TAD-DROGA

Konsultazzjoni pubblika għal tiġdid konformi mal-morali soċjali u l-polz tal-poplu

Aqra wkoll

Jikteb il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard

Huwa prinċipju fundamentali li l-liġi hija xi ħaġa attiva li għandha tiġi riveduta u emendata kull tant żmien sabiex dejjem tkun konformi mal-morali soċjali u l-polz tal-poplu. Huwa tajjeb għalhekk illi propju fl-anniversarju tal-għaxar snin mill-konsultazzjoni pubblika li waslet għall-wieħed mil-akbar riforma fil-qasam tal-liġijiet tad-droga, din l-istess liġi tiġi riveduta sabiex is-sistema ġudizzjarja ssir aktar ġusta u effiċjenti.

Illi ta’ min isemmi li din il-konsultazzjoni pubblika bdiet propju ftit tal-ġranet ilu u ser tibqa’ fis-seħħ tas-9 ta’ Frar 2024 u għalhekk huwa importanti li kull minn għandu interess f’dan is-settur jagħti il-kontribut tiegħu sabiex jekk dejjem huwa possibbli l-interessi tal-istakeholders kollha jiġu kunsidrati.

Jingħad illi tnejn mill-emendi prospettati jirrigwardaw speċifikatament il-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga u huma emendi aktar proċedurali milli sostantivi. Ġie propost illi tinbidel il-kompożizzjoni tal-istess bord billi n-numru ta’ membri ser jiżdied minn erbgħa (4) għal sebgħa (7) membri, kif ukoll ser jiġi stabbilit quorum għall-ewwel darba sabiex il-bord ikun jista’ jiltaqa’ u jiffunzjona anke fl-assenza ta’ xi membri sakemm ikun hemm minn tal-inqas erbgha (4) membri preżenti. Ġie propost ukoll li r-rapporti konklussivi tal-istess bord ikunu aktar sostanzjati. Il-ħsieb huwa li l-ġudikant li jkun irrefera il-każ quddiem l-Bord ikollu stampa aktar ħolistika tal-proċess kollu riabilitattiv b’dana illi l-istess proċess riabilitattiv jista’ jitressaq bħala prova fi proċeduri ulterjuri.

Il-liġi tipprospetta numru ta’ kriterji u kundizzjonijiet sabiex il-Qorti tevalwa jekk tistax u għandhiex tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-droga jew le. Dawn il-kriterji ilhom stabbiliti għal żmien twil u minkejja li huma intiżi sabiex jigwidaw il-Qrati Kriminali, sfortunatament ġieli jservu bħala limitazzjoni u effettivament iwaqqfu lil-Qrati milli japplikaw id-diskrezzjoni tagħhom. Ġie propost li l-Qorti wara li tqis il-gravità speċifika tar-reat, f’każ li tara li n-nuqqas ta’ applikabilità ta’ din il-liġi ser toħloq preġudizzju sproporzjonat lill-akkużat, tista’ tagħżel li ma tapplikax ir-restrizzjonijiet u tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga. L-idea ta’ din l-emenda hija sabiex jiġu analizzati iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u jkun hemm aktar aspett uman fl-applikabilità ta’ din il-liġi.

Ġenwinament nemmen li l-aktar emenda neċessarja li qed tiġi proposta f’din ir-riforma hija dik tal-komunika tad-digriet pożittiv wara proċess riabilitattiv. Il-Qorti llum il-ġurnata għandha l-fakultà li tiġbor il-każijiet li jappartjenu lil-akkużat jekk kemm il-darba jkun għadda mill-proċess riabilitattiv, biss però mill-esperjenza rajna li din il-fakultà kważi qatt ma ġiet applikata u dan minħabba li tirriżulta f’sitwazzjoni fejn ġudikant ġdid ikollu jieħu konjizzjoni ta’ kawża li tkun ilha għaddejja u jkun hemm ħela ta’ riżorsi. Il-proposta hija li kull ġudikant li jkun qed jisma’ każijiet relatati ma’ persuna partikolari tibqa’ tisma’ l-istess każijiet u jiddeċidihom l-istess ġudikant li jkun sema’ l-każ. Biss però qed jiġi propost li fil-mument li l-proċess riabilitattiv jintemm b’suċċess, il-Qorti tikkomunika id-digriet pożittiv bis-suċċess tal-akkużat lill-Qrati diversi li quddiemhom l-akkużat ikollu il-kawżi u dan sabiex l-istess digriet jiġi kkonsidrat għal finijiet ta’ piena.

Saret proposta wkoll li għall-ewwel darba tagħti opportunità li l-proċess riabilitattiv tal-Qorti dwar id-Droga tiġi estiża għal sitwazzjonijiet relatati mal-ħabs. Biex inkunu ċari huwa kundannabbli li jkun hemm kwalsiasi droga fi kwalsiasi ammonti ġewwa l-konfini tal-ħabs u dan qatt ma għandu jiġi tollerat. Biss però f’każijiet li jindikaw li d-droga kienet għall-użu personali, fejn l-akkużat ikun diġà skonta s-sentenza li kellu l-ħabs u reġà beda ħajtu mill-ġdid, qed tingħata diskrezzjoni lill-Qorti sabiex wara li tevalwa iċ-ċirkostanzi kollha tista’ tagħżel li tikkonverti f’Qorti dwar id-Droga. Ċertament din il-konverżjoni mhux ser ssir kapriċjożament, iżda ser ssir f’każijiet fejn jiġi nnotat li l-inflizzjoni ta’ piena effettiva ta’ ħabs ser ikun ta’ aktar deni milli ġid għall-akkużat.

Irriżulta wkoll li f’dak li għandu x’jaqsam mal-ammonti tad-droga indikati fir-raba’ skeda tal- Kapitoli 31 u 101 tal-Liġijiet ta’ Malta, dawn l-ammonti llum qed jiġu riveduti u dan wara li ilhom l-istess għal għexieren ta’ snin. Illi għalhekk minkejja li d-droga baqgħet illegali, ir-riforma qed tipprova tidderiġi sabiex aktar każijiet ikunu jistgħu jinstemgħu mill-Qrati tal-Maġistrati u anqas każijiet jitilgħu għal ġuri. Dan ser ikun qiegħed jagħti aktar opportunità lill-Qrati superjuri jallokaw ir-riżorsi tagħhom għal-reati aktar serji, kif ukoll ser inaqqas sostanzjalment l-ispejjeż tal-proċess ġudizzjarju f’każijiet ta’ natura anqas serji.

Fir-rigward ta’ reati fejn il-piena tista tkun dik ta’ għomor il-ħabs, bħal fil-każijiet ta’ traffikat u importazzjoni, assoċjazzjoni jew kultivazzjoni tad-droga, il-liġi tipprospetta li ma jistax isir ġuri mingħajr ġurati. B’dawn il-proposti din is-sistema ser tinbidel u dan ser ikun possibbli f’każijiet relatati mad-droga. Fir-realtà minkejja n-numru voluminuż ta’ każijiet relatati mad-droga jidher li qatt ma ngħata piena ta’ għomor u għalhekk il-projbizzjoni ta’ ġuri f’każijiet tad-droga qiegħda biss tagħmel aktar piż fuq il-qrati superjuri u twassal ghal-aktar spejjeż fuq il-qrati bla raġuni.

Sport