Sunday, October 27, 2024

100 ġurnata mill-bidu tal-gwerra fil-Medda ta’ Gaza

Aqra wkoll

Eluf kbar ta’ persuni nġabru fil-belt ta’ Tel Aviv biex ifakkru l-100 jum minn meta bdiet il-gwerra fil-Medda ta’ Gaza. Fost dawk li attendew din il-mixja kien hemm familjari ta’ persuni li s’issa għadhom qegħdin jinżammu ostaġġi mill-grupp Hamas.

Wara 100 jum jidher li ma hemm l-ebda soluzzjoni biex din il-gwerra tieqaf hekk kif Iżrael baqa’ b’mod kontinwu jattakki diversi żoni ta’ Medda ta’ Gaza. S’issa nqatlu eluf kbar ta’ persuni fosthom nisa u tfal li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din il-gwerra.

Yossi Schneider li l-kuġin tiegħu ġie maħtuf mill-grupp Hamas qal lill-midja internazzjonali li bħalissa hemm 130 persuna, ħafna minnhom ċivili li għadhom jinżammu ostaġġi mill-grupp Hamas. Skont Schneider dawn qegħdin jinżammu f’sitwazzjoni ħażina ħafna mingħajr aċċess għal mediċina. Jirriżulta li l-voluntieri tas-Salib l-Aħmar ilhom ħafna jitlobu biex jitħallew jidħlu ħdejn l-ostaġġi, iżda kull talba dejjem ġiet irrifjutata.

Schneider qal li l-familja tiegħu ftit li xejn qegħdin jingħataw informazzjoni dwar il-qarib tagħhom. Meta qegħdin jistaqsu lill-uffiċjali tal-Gvern Iżrealit dejjem qed jgħidilhom li għaddejjin in-negozjati u l-Hamas għal ebda raġuni ma jrid jeħles lil ostaġġi.

Analisti jgħidu li l-attakk li wettaq il-grupp Hamas fuq Iżreal wera kemm dan il-pajjiż hu vunerabbli minkejja li hu mejqus li għandu l-aqwa servizz sigriet fid-dinja. Il-Gvern Iżrealit ilu mill-bidu jgħid li l-għan ewlieni tiegħu hu li kull ostaġġ li hemm miżmum mill-Hamas jinħeles u jasal lura għand il-familja qawwi u sħiħ.

Min-naħa ta’ Iżreal minkejja kull twissija mill-komunita internazzjonali xorta waħda baqa’ għaddejja bl-attakki fuq il-Medda ta’ Gaza fejn ħalef li jrid jerqred għal kollox lil grupp Hamas. In-naħa ta’ fuq ta’ Gaza spiċċa meqrud għal kollox u l-miljuni ta’ persuni li hemm jgħixu hemm għadhom qegħdin jittamaw li jimxu lejn in-naħa t’isfel taż-żona bit-tama li jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntiera lejn l-Eġittu.

Kelliem għall-Gvern Iżrealit qal li s-saħħa tal-Hamas issa tnaqqset sew u qegħdin isibha diffiċli ferm biex iwettqu attakki fuq Iżreal. Iżda analisti qalu li l-militanti tal-Hamas telqu min-naħa ta’ fuq ta’ Gaza u mxew lejn postijiet oħrajn fejn bħalissa qegħdin jorganizzaw ruħhom biex iwettqu aktar attakki.

Il-Ministru tas-Saħħa tal-Hamas qal li s’issa nqatlu 23,000 persuna ħafna minnhom nisa u tfal filwaqt li hemm eluf kbar oħrajn li ħadd ma jaf x’sar minnhom. Sostna li ħafna minn dawn jinsabu taħt it-tifrik u hu ferm diffiċli biex jintlaħqu. Qal li s-sitwazzjoni tas-saħħa fil-Medda ta’ Gaza hija waħda allarmanti ħafna hekk kif mhux qegħdin jaslu mediċini fl-isptarijiet.

Skont figuri uffiċjali 85% tal-popolazzjoni ta’ Gaza kellhom jaħarbu minn djarhom. Uffiċjali tal-Ġnus Magħquda qegħdin jirrapportaw li s-sitwazzjonijiet hija waħda “intollerabbli” hekk kif issa anke beda jinfirex ħafna mard.

Sport