Saturday, May 4, 2024

Ġustizzja Lastiku!

Aqra wkoll

Dan l-aħħar, gazzetta ‘indipendenti’ semmiet persuna li kienet ġiet akkużata quddiem il-qorti sena ilu. Meta jiġri hekk u din il-persuna tkun taħdem mal-gvern din tkun sospiża mix-xogħol u tingħata biss nofs il-paga. Sistema li ilha tiġi applikata snin.

Personalment qatt ma kont naqbel magħha minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hi l-prinċipji legali li hemm, fejn persuna tkun ħatja meta tkun instabet hekk mill-qorti. Sakemm għadha ma nstabitx ħatja, din il-persuna tkun għadha innoċenti. Prinċipju li naqbel miegħu speċjalment illum meta għandek ħafna nies li, biex iħammġu lil xi ħadd, jippressaw li mhux biss issir investigazzjoni, imma li għandek tiffaċċja akkuża l-qorti biex titħammeġ pubblikament.

Li kieku persuna għandha provi u tat dawn il-provi lill-Pulizija, għalkemm is-sitwazzjoni tinbidel ftit, il-prinċipju legali xorta għadu hemm. Aħseb u ara kemm dan il-prinċipju għandu jinżamm meta llum kulħadd sar jaqla’ l-qlajja’ fuq dawk il-persuni li m’għandhomx grazzja magħhom.

It-tieni raġuni hi li snin ilu kont rajt l-effett negattiv meta persuna tiġi sospiża fuq persuna oħra meta dan kien jaħdem id-dwana u kien ġie akkużat li għen lil xi ħadd biex ma jħallasx dwana. Kien ġie sospiż meta ttella’ l-qorti. Kien dam għaxar snin sakemm inqatgħet is-sentenza. Hu ma kienx instab ħati tal-akkuża. Mhux ser insemmi l-ispejjeż li kellu jidħol fihom biex jiddefendi ruħu imma ser insemmi l-effett li kellu fuqu bħala persuna. Tant kien taħt tenzjoni li minħabba din l-esperjenza kien sofra ġrieħi serji mentali li baqa’ bihom tul ħajtu kollha barra li ra l-familja tiegħu titfarrak.

Hu minħabba f’hekk, li ma naqbilx mal-krititka fuq il-gvern għax jidher li qed jaħsibha jekk ikomplix b’din is-sistema. Anzi nemmen li l-gvern għandu jibdel din is-sistema.

Barra minhekk ma naqbilx mal-kritika għax jien ċert li kieku hemm involut xi persuna Nazzjonalista, li kieku xejn ma jissemma. Għal dawn in-nies il-ġustizzja hi lastiku għax lesti li jġebduha kif jaqbel lilhom biex jikritikaw kull gvern Laburista!

Passi oħra

Nemmen li l-gvern għandu jieħu passi oħra. Persuna li tiġi akkżata u tkun għadha ma nstbitx ħatja bħal din, għandha tkompli bl-impjieg tagħha għalkemm nemmen li din il-persuna għandha tiġi mpoġġiha f’post ieħor ‘l bogħod mis-sitwazzjoni li kienet fiha u s-superjur tagħha għandu jżomm għajnejh miftuħa ‘l ħin kollu.

Imma l-aktar riforma li nara li hemm bżonn hi, li tinbidel is-sistema tal-qrati tagħna. L-aktar li ddejjaq lin-nies hi t-tul ta’ żmien li l-qrati jieħdu biex jiddeċiedu. Dan ma jgħoddx biss għall-qrati imma anki għall-awtoritajiet responsabbli biex iressqu u jmexxu l-proċeduri. Dan l-aħħar xhur kien hemm każ ta’ qtil li l-proċeduri legali kontra l-akkużat bdew xi għaxar snin wara.

Dan it-tul ta’ żmien filwaqt li jfarrak lill-innoċenti jkun qed jgħin lil min verament ikun wettaq l-akkuża għaliex aktar ma jgħaddi żmien aktar ikun diffiċli li jġib provi konkreti fuq l-akkużat.

Hawn mhux qed insemmi l-ispejjeż li persuna jkollha tħabbat wiċċha magħhom meta tmiss mal-qorti u lanqas qed insemmi il-prinċipju ta’ Justice delayed is justice denied.

Tibdil meħtieġ

Minħabba dawn l-affarijiet nemmen li hemm bżonn tibdiliet sew fl-awtoritajiet li jressqu nies il-qrati u sew kif il-maġistrati u l-imħallfin imexxu l-qrati.

Min-naħa tal-awtoritajiet li jressqu n-nies il-qorti, dawn għandhom isibu metodi aktar effiċjenti biex ilestu x-xogħol tagħhom. Naf li mhix faċli speċjalment illum meta biex persuna tinstab ħatja jridu jitressqu ħafna provi qawwijin – xi ħaġa mhux faċli speċjalment meta għad għandek ħafna persuni li għadhom jemmnu li ‘Rajt ma rajtx u smajt ma smajtx’.

Ħafna nies ikunu lesti li jressqu dak li jkunu jafu fuq xi persuna jew fil-Facebook jew jgħadduha lil xi ħadd mingħajr ma jiġu identifikati biex ma jkunux imdaħħla fil-proċeduri. Hu għalhekk li dawn l-awtoritajiet llum saru joqogħdu attenti għaliex jafu li l-pressjoni hi fuqhom li jridu jippruvaw il-ħtija.

Min-naħa l-oħra, nemmen li l-proċeduri tal-qrati hemm bżonn jinbidlu speċjalment il-ħela ta’ żmien li hemm meta jkollok ħafna drabi seduta fuq każ ma ddumx aktar minn ħames minuti u tiġi diferita xi tliet xhur. Din is-sistema mhix xi ħaġa impossibli li tinbidel għaliex narawha meta xi ħadd ikun mixli b’xi qtil. F’każi bħal dawn, kulħadd jaf il-proċeduri li jsiru, imma dawn isiru wara xulxin. Ma narax għaliex f’każi oħra m’għandhiex tittieħed din il-proċedura li każ jiġi trattat pass, pass wara xulxin fi żmien qasir.

Dawn huma affarijiet li l-gvern ma jistax jidħol fihom għaliex inkella jiġi akkużat li qed ibagħbas fil-ġustizzja. Il-gvern kull ma jista’ jagħmel biss li jipprovdilhom riżorsi meħtieġa. Biss jekk dawn ma jiġux applikati sew minn min hu responsabbli li jħaddem dawn il-proċeduri, dawn ir-riżorsi ġodda ma jkunu jiswew xejn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport