Wednesday, October 9, 2024

ĠUSTIZZJA MHUX TAL-KONVENJENZA

Aqra wkoll

Ngħidu li l-ġustizzja hija għamja. Mhux għaliex ma tarax imma għaliex ma għajnejha għandha marbut għamad biex ma tara u tħares lejn wiċċ ħadd, hu min hu u ġej minfejn ġej.

Għalhekk jeżisti l-prinċipju kardinali tal-preżunzjoni tal-innoċenza biex il-ġustizzja tkun applikata kif sewwa u xieraq. Il-preżunzjoni tal-innoċenza hija prinċipju legali li kull persuna akkużata b’xi reat titqies innoċenti sakemm tiġi ppruvata ħatja. 

Taħt il-preżunzjoni tal-innoċenza, l-oneru legali tal-prova huwa għalhekk fuq il-prosekuzzjoni, li għandha tippreżenta evidenza ċara u konvinċenti tal-prova tal-fatti. Fuq kollox, irid jiġi ppruvat li l-akkużat huwa ħati mingħajr ebda dubju raġonevoli. 

F’ħafna pajjiżi u taħt ħafna sistemi legali, inklużi sistemi ta’ liġi komuni u ta’ liġi ċivili, il-preżunzjoni tal-innoċenza hija dritt legali tal-akkużat fi proċess kriminali. Huwa wkoll dritt tal-bniedem li joħroġ mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Artikolu 11.

Minkejja ċ-ċarezza tal-liġi, sfortunatament, f’pajjiżna għandna partit politiku, ċioe l-Partit Nazzjonalista, li jidher li ma tantx jemmen fil-prinċipju kardinali tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Għall-PN dan il-prinċipju qisu japplika biss meta konvenjenti għalih.

Kemm il-Partit Nazzjonalista tal-lum taħt Bernard Grech u anki l-alleti tiegħu taħt il-forma ta’ NGOs aktarx li jemmnu fil-ħtija qabel il-preżunzjoni tal-innoċenza u mhux l-oppost, għandna mhux prova waħda biss imma biżibilju.  L-aġir u l-imġiba tal-PN hekk jirriflettu.

Il-każijiet u l-akkużi kontra persuni b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet huma eżempju klassiku wieħed ta’ dan. Il-PN u l-alleati tiegħu warrbu għal kollox il-prinċipju tal-preżunjoni tal-innoċenza u sejħu għal riżenji ta’ ministri u kapijiet ta’ awtoritajiet u nies oħra li qdew u għadhom jaqdu lil pajjiżna taħt amministrazzjonijiet Laburisti.

Talbu r-riżenja tagħhom daqslikieku dawn il-persuni huma diġà ħatja minn qabel ma bdew il-proċessi u l-proċeduri legali kontrihom fil-qrati. Il-kruċjata kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għadhom friski wisq u għadu kmieni biex ninsewhom.

Ma ninsewx ukoll li l-PN huwa partit mgħobbi b’avukati, li sikwit iħambqu fuq is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Iżda mbagħad ma jiddejqux ikunu huma stess, bl-aġir tagħhom, ikasbru s-saltna tad-dritt li jgħidu li jridu jipproteġu. U dan baqgħu jippersistu fih minkejja li jafu x’inhi u xi tgħid il-liġi f’dan ir-rigward.

Huwa perikoluż li narrattiva bħal din tibqa’ tiġi replikata anke fil-midja għaliex tinfluwenza l-mod tal-ħsieb fir-rigward ta’ persuni akkużati li għadha pitgħada jistgħu jkunu huma stess.

Dan qed nistqarruh biex nuru bil-fatti f’liema livell politiku baxx niżel fih il-Partit Nazjonalista. Moħħhom huwa biss li jiksbu l-poter akkost ta’ kollox. Akkost li anki jsalbu lin-nies u jassasinaw il-karattru tal-persuna.

Għalhekk ukoll nistaqsu, jekk xi darba l-PN jingħata ċ-ċans jiggverna lil dan il-pajjiż, se jibqa’ jemmen fil-ħtija qabel il-preżunzjoni tal-innoċenza? Dan aktar u aktar jekk ikun hemm xi ħadd qribhom li jkun akkużat b’reat? Min jaf. Nistennew u naraw.

Sport