Thursday, December 26, 2024

“Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jimplimenta bidla għall-impjegati fis-settur pubbliku”

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jimplimenta bidla għall-impjegati fis-settur pubbliku billi jiggarantixxu stabbiltà u kwalità ta’ xogħol aħjar. Qal li jemmnu li dawn huma riżorsa kbira għall-pajjiż u għalhekk li jridu jinvestu fiihom u jaraw li jkunu trattati tajjeb.

Fl-intervista li saritlu s-Sibt filgħodu, Grech qal li kien għalhekk li l-Ġimgħa l-PN nieda sensiela ta’ proposti maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur pubbliku. Fost il-proposti mħabbra mill-PN hemm ir-reviżjoni fl-iskali tas-salarji tal-gvern biex jirriflettu s-suq ħalli jkunu attirati l-aħjar nies lejn is-servizz pubbliku u li l-ħaddiema jkunu inċentivati għal iktar effiċjenza f’xogholhom u dawk li jaħdmu ħafna jkunu kumpensati b’mod xieraq, fosthom permezz ta’ performance bonus. 

Mistoqsi jikkummenta dwar il-maltempata ta’ nhar il-Ħamis li għadda, Grech qal li bla dubju l-fatt li tinżel x-xita huwa fenomenu naturali pero qal li meta jisma lill-Ministru Ian Borg jgħid li dak li ġara huwa kawża tat-tibdil fil-klima, qal li aktar jirrealizza dak li fi kliemu sejjaħ bħala nuqqas ta’ rispett lejn l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi. Żied jgħid li huwa ċar li l-proġetti li mexxa fallew.

Waqt l-intervista, Grech tkellem fuq diversi temi fosthom il-bżonn urġenti li ssir riforma fil-Parlament u dwar in-negozji. Dwar dawn tal-aħħar, Grech qal li ma’ Gvern ġdid Nazzjonalista kull min hu fin-negozju, u sejjer tajjeb, se jmur aħjar. “Jekk qed jaqla’ lira, magħna, kif diġà semmejt taqilgħu tnejn. Dan il-ħsieb tagħna qed narawh li nwettquh ukoll b’mod ċar bil-politika tagħna,” qal Grech filwaqt li semma diversi miżuri bil-għan li jgħinu lin-negozji. Qal kif meta jsemmu negozji huma jaħsbu miż-żgħir sal-kbir.

Waqt l-intervista, Grech feraħ ukoll lil Robert Metsola għar-riżultat prestiġġjuż li kisbet. Qal kif fl-aħħar snin mhux biss għamlet isem għaliha iżda anke għal pajjiżna fejn barra li wettqet xogħolha, iddefendiet il-valuri Ewropej fosthom tal-ġustizzja. 

Ekonomija

Sport