Monday, April 29, 2024

GVERN LI DEJJEM JAĦDEM GĦALL-BATUT

Aqra wkoll

L-aħbar li xxandret nhar il-Erbgħa, li bħalma nġiebet Malta għall-kura tifla ċkejkna Palestinjana li sfat midruba serjament f’attakk Iżraelit f’Gaża, se jinġiebu iktar tfal ġewwa pajjiżna sabiex jingħataw il-kura meħtieġa, turija oħra ta’ kemm il-Gvern ta’ pajjiżna jaf ikun solidali mal-batut.

Quddiem dan kollu, ma nistgħux ma nsemmux il-ħidma tal-Prim Ministru Robert Abela, li ħabbar dan qabel is-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell fejn irrefera b’mod partikolari għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

Din mhix l-ewwel darba li pajjiżna ospita persuni, fosthom nisa u tfal, li kienu għaddejjin minn martirju kaġun ta’ kunflitti li fihom huma ma kellhom l-ebda ħtija.

Il-qalb tajba tal-poplu Malti narawha f’dak illi qiegħed jiġri bħalissa ġewwa Gaza. Peró ma nistgħux ninsew l-għajnuna li l-Malti offra lill-familji Ukreni fil-gwerra mar-Russja.

Minbarra l-għajnuna medika, permezz ta’ diversi inizjattivi, pajjiżna ta wkoll għajnuna materjali kollha li seta jagħti sabiex itaffi mit-tbatja li dawn in-nies ikunu għaddejjin minnha.

Fil-każ tat-tifla Saleh, din setgħet tinġieb Malta permezz ta’ sforzi kollaborattivi bejn l-Ambaxxata Palestinjana f’Malta u l-Gvern u hekk se jkompli jiġri peress li ġejjin iktar tfal midruba f’pajjiżna.

Wieħed ma jistax jinsa li kien hemm ċerti individwi li kkummentaw b’negattivitá fil-konfront tal-fatt li din it-tifla nġiebet f’pajjiżna għall-kura. Saħansitra kien hemm min ikkummenta li din kienet biss mezz ta’ pubbliċita’ u eżerċizzju ta’ ritratti. Aħna nemmnu li fejn tidħol il-kura għall-mard jew xorta oħra ta’ nies innoċenti, inkluż tfal u nisa m’għandu jkun hemm l-ebda sens partiġġjan.

U hawnhekk nistaqsu ‘l għala din it-tifla innoċenti ma kellhiex tingħata l-kura f’pajjiżna, kif kien hemm min ikkummenta. Pajjiżna mhux biss għandu vokazzjoni imma hu wkoll strument ta’ paċi u dan jitfa’ fuq pajjiżna r-responsabbilta’ li aħna nkunu solidali ma’ min ikun għaddej minn sitwazzjonijiet u ċirkostanzi diffiċli f’ħajtu.

Għalhekk, nemmnu li din l-għajnuna għandha tibqa’ tingħata mingħajr ebda ekwivoku lil kull min ikun bżonnha, anke jekk il-vittmi ma jkunux Maltin. B’hekk, Malta tkun qed tpoġġi fil-prattika l-vokazzjoni tagħha li tgħin lil min ikun fil-bżonn.

Ir-reputazzjoni tal-poplu Malti bħala ġens ħanin u ġeneruż għandna nkomplu nseddquha u nuruha mhux biex niftaħru biha imma għaliex inħossu li hekk huwa sewwa u xieraq. Wara kollox, dak li nagħmlu ma’ ħaddieħor, ħaddieħor xi darba jista’ jagħmlu magħna wkoll.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport