Monday, April 29, 2024

Riforma b’tibdil drastiku fiċ-ċertifikat tal-kondotta

… insistenza fuq rijabilitazzjoni ta' persuni li jkunu weħlu sentenza ta' priġunerija

Aqra wkoll

Disgħin sena ilu, f’Malta ddaħħlet l-Ordinanza li permezz tagħha bdiet titħaddem is-sistema taċ-ċertifikat tal-Kondotta. Mal-medda tas-snin saru bosta emendi biex is-sistema tkun aġġornata skont il-ħtiġijiet u l-iżviluppi tas-soċjetà u tal-liġijiet tal-pajjiż.

Wara dawn is-snin kollha u minkejja l-emendi li kienu saru, qed tinħass il-ħtieġa ta’ riformi oħrajn fl-Ordinanza biex iċ-ċertifikat tal-kondotta jkun jirrifletti l-prinċipju tal-liġi dwar il-ġustizzja riparatriċi.

Ir-riforma se tisħaq fuq ir-rijabilitazzjoni tal-persuni li jkunu weħlu sentenza ta’ priġunerija biex ikunu jistgħu jiġu integrati lura fis-soċjetà wara li jkunu skontaw is-sentenzi tagħhom.
Kif qal il-Ministru tal-Ġstizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard hija ħasra li jkun hemm persuni li jkunu rriformaw u rrijabilitaw ruħhom u xorta jsibu l-bibien magħluqa meta jiġu biex jintegraw lura fid-dinja tax-xogħol.

Din ir-riforma hija bbażata fuq li s-soċjetà għandha tagħti t-tieni ċans fejn u meta huwa possibbli lil persuni li jkunu għamlu l-almu tagħhom biex jirriformaw ruħhom waqt li jkunu qegħdin jiskontaw is-sentenza tagħhom iċ-ċertifikat ta’ kondotta m’għandux ikun ta’ xkiel biex ikollhom xogħol xieraq.

Ir-riforma proposta filwaqt li se tagħmel tibdil fejn xieraq fiċ-ċertifikat tal-kondotta fuq xi reati, mhux se tħassar reati oħrajn aktar gravi li se jibqgħu jidhru fiċ-ċertifikat tal-kondotta fosthom delitti kontra l-umanità, omiċidji u femiċidji, riċedività fi traffikar tad-droga u reati kontra s-sigurtà tal-Gvern u kalunji u sperġur u terroriżmu.

Ir-riforma qiegħda tipproponi li apparti ċ-ċertifikat tal-kondotta jkun jista’ jinħareġ ċertifikat supplimentari li jelenka l-programm jew programmi li persuna tkun għamlet waqt li kienet qed tiskonta s-sentenza tagħha kif ukoll li jagħti rendikont tal-imġiba tagħha waqt li kienet fil-faċilità korrettiva. Il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat għandu jingħata mhux aktar tard minn xahar mindu ssir it-talba.

Is-sistema kif inhi llum qiegħda twassal biex persuni li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom jibqgħu jitqiesu bħala kriminali bil-konsegwenza li jitilfu l-opportunitajiet ta’ xogħol għaliex m’għandhom xejn x’juru ħlief iċ-ċertifikat tal-kondotta mċappas.

Ir-riforma proposta tispjega wkoll kif se jiqsar il-perjodu biex reat ma jibqax reġistrat fil-kondotta. Sentenza tal-Qorti fejn il-persuna tkun ikkundannata għal iżjed minn 10 snin ħabs, bħalissa titneħħa miċ-ċertifikat tal-kondotta wara 10 snin li tkun ġiet skuntata s-sentenza. Bl-emendi proposti, il-perjodu ta’ 10 snin se jonqos għal 5 snin.

F’sentenzi fuq reati b’kundanna ta’ bejn 5 u 10 snin, il-perjodu għat-tneħħija miċ-ċertifikat tal-kondotta se jonqos għal tliet snin filwaqt li f’sentenzi fuq reati b’kundanna ta’ bejn sena u ħames snin, dan il-perjodu se jinżel għal sentejn minn tliet snin.

Sentenzi fuq reati li ma jiskorrux is-sena priġunerija kif inhi l-liġi bħalissa jitneħħew miċ-ċertifikat tal-kondotta sena wara li tkun skontata s-sentenza. B’din ir-riforma jekk is-sentenza tkun bejn is-sitt xhur u sena titneħħa miċ-ċertifikat tal-kondotta wara sitt xhur li tkun skontata s-sentenza.

Kundanni dwar reati ta’ inqas minn sitt xhur ma jibqgħux jidhru fil-kondotta tliet xhur wara li tkun skontata s-sentenza.

Fil-każ ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti li jkunu jinvolvu biss multa u mhux priġunerija ma jibqgħux jidhru fiċ-ċertifikat tal-kondotta malli titħallas il-multa.

Mal-lista ta’ reati li bħalissa ma jkunux reġistrati fiċ-ċertifikat tal-kondotta se jiżdiedu reati ta’ pussess sempliċi tad-droga għall-użu personali.

B’dawn ir-riformi proposti fiċ-ċertifikat tal-kondotta, għandu jinħoloq bilanċ ġust bejn id-drittijiet tas-soċjetà li tkun protetta u d-drittijiet tal-persuni li jkunu żbaljaw u li jkunu għamlu l-isforz tagħhom biex ikunu mħejjija ħalli ma jerġgħux ixellfu difrejhom mal-liġi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport