Sunday, December 22, 2024

GVERN LI JĦADDAN POLITIKA TA’ STABBILITÀ

Aqra wkoll

Minkejja li parti sostanzjali mill-inflazzjoni hija importata, il-Gvern ħa passi biex jara kif l-inflazzjoni ma tkunx ta’ piż li l-poplu ma jkunx jista’ jifilħu. Tant li l-Gvern wasal għal ftehim ma’ importaturi u sidien ta’ supermarkets biex ikun hemm stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 15-il kategorija ta’ ikel essenzjali. Dan se jagħti garanzija li l-prezz ta’ madwar 400 prodott mhux se jogħla meta l-Gvern jiġi biex jippreżenta l-Budget għas-sena d-dieħla. 

Għandna għax nifhmu li biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim, saru numru ta’ laqgħat f’dawn l-aħħar ġimgħat u anke eżerċizzju wiesgħa biex ikunu magħrufa dawk il-kategoriji ta’ prodotti li huma fost l-aktar li jikkonsmaw in-nies. Għalhekk, filwaqt li huwa minnu li għandna suq ħieles, dan id-djalogu mal-partijiet kollha konċernati kien wieħed kruċjali fejn kulħadd fehem l-importanza ta’ dan il-pass. 

Ta’ sodisfazzjon ninnutaw li diġà hemm ‘il fuq in 200 ħanut f’Malta u Għawdex li se jkunu qegħdin jipparteċipaw f’din l-inizjattiva filwaqt li ser tkun qiegħda tingħata għajnuna wkoll lill-ħwienet iż-żgħar. Għalkemm huwa minnu li r-roħs f’ċertu prodotti tal-ikel se jkun ta’ benefiċċju kbir għall-konsumaturi, b’danakollu nemmnu li l-istabbilità li qiegħda tingħata f’dan ir-rigward għax-xhur li ġejjin hi daqstant ieħor importati.

Dan kollu jġib fix-xejn l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista, li l-Gvern qiegħed jinjora l-piż tal-prezzijiet fuq il-familji jew inkella li qed jibqa’ ċass quddiem l-isfida tal-inflazzjoni. Anzi pjuttost bil-maqlub. Il-Gvern kompla jaħdem bil-politika tiegħu ta’ stabbilità f’kull deċiżjoni li ħa. 

Nemmnu għalhekk li b’dawn il-miżuri minbarra ż-żidiet fil-COLA U l-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja se jkomplu jwasslu għal aktar stabbiltà fil-prezzijiet. Fuq kollox se jgħinu biex il-piż tal-inflazzjoni ma jinħassx daqskemm huwa fil-preżent. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar attività ekonomika li permezz tagħha n-negozji jkollhom qligħ ġust fl-istess waqt li titrażżan il-pressjoni tal-inflazzjoni fuq il-familji Maltin.

Ekonomija

Sport