GVERN LI JINVESTI BIS-SĦIĦ FL-INFRASTRUTTURA

Aqra wkoll

Lura għall-2017, il-Gvern Laburista kien wiegħed investiment mingħajr preċedent fl-infrastruttura tal-pajjiż. Dan il-ħsieb deher ċar mill-bidunett. Il-ħsieb li permezz ta’ bidla qawwija f’dan is-settur twassal għal titjib fil-livell tal-għajxien taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Illum ta’ min wieħed jgħid li din il-viżjoni kompliet issir realtà u l-kwalità tal-infrastruttura ta’ pajjiżna qed tersaq lejn waħda li tixraq u tirrifletti l-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi fiż-żminijiet tal-lum. Ix-xogħol ma waqaf xejn, il-ħaddiema baqgħu jaħdmu u l-investiment baqa’ jsir.

Kulħadd jaf li għal snin sħaħ l-infrastruttura, b’mod speċjali t-toroq, tħallew jitmermru u jiddeterjoraw. Kien hemm żmien twil qabel l-2013 li triq kienet tiġi rranġata meta jkun ġej xi ras kbira f’pajjiżna. Altrimenti ma kien isir xejn.

Sitwazzjoni li kienet raġuni oħra ewlenija għaliex il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-mod ta’ għejxien tagħhom ħadu daqqa kbira l-isfel. Illum is-sitwazzjoni hi differenti ferm. Ix-xogħol u l-iżvilupp infrastrutturali f’diversi setturi ma waqafx.

B’eżempju ta’ dan kollu nsemmu xi wħud mill-proġetti l-kbar fosthom il-proġett tax-xatt tal-Imsida, wieħed mill-akbar proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana, li jinkludi flyover ġdida, pjazza, promenade u aktar spazji miftuħa, filwaqt li se tittejjeb il-konnettività u jonqos ir-riskju ta’ għargħar. Problema li ħadd qabel ma kien irnexxielu jsib irrkaptu tagħha.

Hemm ukoll il-Vjal Kulħadd, skema nazzjonali li qed toħloq bankini aħjar, spazji aktar siguri għar-residenti u infrastruttura favur il-mixi u ċ-ċiklisti f’diversi lokalitajiet. Ma nistgħux insemmu l-investiment fl-infrastruttura u ma nsemmux l-investiment massiċċ tas- Shore-to-Ship biex kemm jista jkun jonqos it-tniġġiż fil-Port il-Kbira u l-inħawi tal-madwar.

Quddiem dan kollu, nemmnu li huwa essenzjali li dan ix-xogħol u l-investiment ikompli għaddej bl-istess ritmu, anke fid-dawl li minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra jerġgħu jibdew l-iskejjel u nerġgħu nibdew nesperjenzaw żieda tal-karozzi fit-toroq tagħna.

Nemmnu li l-esperjenza tal-imgħoddi għalmitna kif għandna nindirizzaw ċertu problemi li għalkemm ikunu jidhru żgħar, jekk ma nagħtux kashom joħolqu problemi akbar. Għalhekk nibqgħu ntennu li pajjiżna għandu jibqa jinvesti fl-infrastruttura li tkompli tagħmel minn Malta pajjiż aktar modern u aġġornat.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport