Il-fergħa tal-Bank of Valletta fiż-Żejtun infetħet uffiċjalment għall-klijenti, wara xogħlijiet ta’ rinovar estensiv. Dan jimmarka tragward ieħor fil-programm ta’ riġenerazzjoni tal-fergħat tal-Bank, li qed jara l-fergħat kollha fin-network jiġu modernizzati, sabiex joffru lill-klijenti u lill-impjegati, ambjent iktar akkoljenti, aċċessibbli u effiċjenti.
Bħala parti minn dan il-programm, il-Bank ikkummissjona studju sabiex jassessja l-emissjonijet tal-karbonju u kif dawn qed jitnaqqsu wara li kull fergħa tkun ġiet rinovata. Il-kalkoli jinkludu wkoll l-emissjonijiet li kull proġett jiġġenera waqt li jkunu qegħdin isiru x-xogħlijiet. Ir-riżultati tal-istudju se jibqgħu jiġu analizzati u inklużi wkoll fil-proġetti li jmiss. Il-proġettazzjonijiet inizjali jindikaw li l-fergħa taż-Żejtun se tnaqqas it-tniġġis mill-operat b’madwar 29 tunellata ta’ karbonju fis-sena.
Waqt ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia qal li “Din hija t-12-il fergħa li qed ninawguraw mill-ġdid, u li issa din tinkorpora l-istess tqassim u dehra moderna li introduċejna fil-fergħat li diġa tlestew. Barra mill-ħolqien ta’ spazju iżjed privat għall-klijenti, din il-fergħa rinovata qed tgħinna nilħqu l-impenn tagħna li nnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent, b’fatturi sostenibbli fosthom is-sistema tal-arja kkundizzjonata, l-insulazzjoni u s-sistema tad-dawl, kif ukoll it-twieqi, il-ħġieġ u l-pannelli tax-xemx. Dan l-investiment jiżgura li n-network tal-fergħat tagħna jibqa’ jilħaq l-aspettattivi tal-klijenti u joħloq ambjent tax-xogħol aħjar għall-impjegati tagħna.”
“Il-Bank jibqa’ kommess li jinvesti sew fil-binjiet fiżiċi kif ukoll fit-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni sabiex isaħħaħ l-esperjenza tal-klijenti u l-istaff. Dan l-impenn huwa rifless f’inizjattivi li ġew imwettqa dan l-aħħar, fosthom bil-ftuħ tal-Business Hub u l-Fergħa għall-klijenti tan-Negozju, iċ-Ċentri tal-Benesseri Finanzjarju, Ċentri ġodda dedikati għas-Self tad-Djar kif ukoll pjattaforma ġdida tal-Internet u l-Mobile Banking u programm ġdid ta’ Customer Relationship Management.”
Iċ-Chief Personal & Wealth Officer tal-BOV, Simon Azzopardi qal li “Il-ftuħ mill-ġdid tal-fergħa taż-Żejtun jirrifletti l-impenn tagħna li nkomplu ninvestu fil-komunitajiet li naqdu u ntejbu l-esperjenza bankarja għall-klijenti tagħna. Dan ir-rinovar trasforma l-fergħa fi spazju iżjed akkoljenti, aċċessibbli, u effiċjenti, iddiżinjat biex jaqdi l-ħtiġijiet u l-aspettattivi dejjem jevolvu tal-klijenti. Fl-istess waqt, inkorporajna fatturi sostenibbli li se jkomplu jgħinu biex innaqqsu l-impatt ambjentali u nappoġġjaw l-impenn tal-Bank li jkompli jikber b’mod responsabbli u sostenibbli.”
L-għeluq tal-proġett ta’ rinovar kien inawgurat mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia, u miċ-Chief Personal & Wealth Officer, Simon Azzopardi fil-preżenza taċ-Chief Operations Officer, Ernest Agius u tas-Sindku taż-Żejtun, is-Sinjura Joan Agius.


