Il-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba se tkun qed ittella’ l-Programm Vokali u Strumentali annwali tagħha, li jsir kull sena fl-10 t’Awwissu fl-okkażjoni tal-Festa Titulari ta’ Santa Marija .
Il-Banda Re Ġorġ V, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur David Agius, din is-sena ħejjiet programm b’diversi siltiet mużikali varjati, li joffru repertorju mill-isbaħ għal dawk kollha li se jattendu.
Din is-sena, il-Banda se tkun akkumpanjata mill-kantanti Victorio Gauci u Fabrizio Faniello, li se jinterpretaw xi siltiet mill-aktar popolari tagħhom.
Fl-istess programm se jingħaqad ukoll il-klarinettist Taljan ta’ fama internazzjonali Antonello Timpani. Tul il-karriera tiegħu, Timpani daqq ma’ diversi orkestri internazzjonali u ta kunċerti f’numru ta’ teatri u swali prestiġjużi madwar l-Italja u d-dinja. Il-Banda Re Ġorġ V se tkun qed idoqq diversi siltiet oħra fostom klassiċi, soundrtacks u mużika tal-widna.
Dan il-programm huwa ċelebrazzjoni tal-arti mużikali li ilha teżisti fi ħdan l-ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija u jkompli juri l-impenn tal-Banda Re Ġorġ V biex kull sena toffri programm ta’ livell artistiku għoli bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa Titulari ta’ Santa Marija.
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi għal din il-lejla mużikali li se ssir nhar it-Tnejn, 10 t’Awwissu, fid-9:00pm fi Pjazza tal-Imqabba. Dħul bla ħlas.


