Julianne Vella tinħatar United Nations Youth Delegate ta’ Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne ppreżenta ċ-Ċertifikat ta’ Ħatra lil Julianne Vella United Nations Youth Delegate ta’ Malta. Matul is-sentejn li ġejjin, hija se tirrappreżenta liż-żgħażagħ Maltin f’diversi fora internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda, filwaqt li twassal il-vuċi taż-żgħażagħ Maltin fid-diskussjonijiet dwar temi ta’ importanza globali. Hija se tingħaqad ma’ Samuel Camilleri Brincat, li ilu jservi bħala United Nations Youth Delegate ta’ Malta matul l-aħħar sena, sabiex flimkien ikomplu jirrappreżentaw il-perspettivi taż-żgħażagħ Maltin fuq livell internazzjonali.

Il-programm tal-United Nations Youth Delegate ilu jitħaddem f’Malta mill-2021 u kompla jissaħħaħ minn sena għall-oħra. Din is-sena attira rekord ta’ 31 applikazzjoni, li jirriflettu l-interess dejjem jikber taż-żgħażagħ Maltin biex jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet internazzjonali u jirrappreżentaw lil pajjiżhom fuq livell globali.

Il-Ministru Fearne spjega kif il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika barranija hija kruċjali sabiex il-vuċijiet tagħhom ikunu rappreżentati fid-deċiżjonijiet li qed jissawru llum. Huwa żied li permezz tal-programm tal-United Nations Youth Delegate, Malta qed tkompli tagħti opportunitajiet konkreti liż-żgħażagħ biex jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet internazzjonali u jirrappreżentaw lil pajjiżhom fil-fora tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Julianne Vella qalet li tħossha onorata li ngħatat din ir-responsabbiltà u li tħares ’il quddiem biex tirrappreżenta lill-Maltin żgħażagħ fuq livell internazzjonali. “Ninsab ħerqana nibda naħdem favur Malta billi nwassal il-vuċi taż-żgħażagħ Maltin fil-fora tan-Nazzjonijiet Magħquda u nikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi, il-multilateraliżmu u d-djalogu.”

Julianne Vella għandha esperjenza fil-qasam tar-rappreżentanza żagħżugħa, il-governanza u l-kooperazzjoni internazzjonali. Bħalissa qed issegwi Master’s fuq Data Science and Politics fil-University College Dublin u serviet f’diversi rwoli ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali taż-żgħażagħ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport