Investiment ta’ aktar minn €870,000 f’Ħal Għaxaq biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, permezz tal-Awtorità tad-Djar, qed ikompli jinvesti fid-diversi komunitajiet, din id-darba b’investiment ta’ aktar minn €870,000 f’Ħal Għaxaq, permezz ta’ proġetti ta’ tisbiħ, manutenzjoni, installazzjoni ta’ lifts u titjib fl-ispazji pubbliċi.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal, “Dan l-investiment ikompli juri l-impenn tal-Awtorità tad-Djar li, minbarra li tipprovdi akkomodazzjoni ta’ kwalità, tkompli tinvesti wkoll fl-ambjent u fil-komunitajiet fejn jgħixu r-residenti, sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.”

Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq Karl Boxall qal, “Dan l-investiment huwa xhieda tal-kollaborazzjoni b’saħħitha bejn il-Kunsill Lokali u l-Awtorità tad-Djar. Dawn il-proġetti mhux biss itejbu l-kundizzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, iżda jkomplu jsebbħu l-lokalità tagħna u joffru ambjent aħjar għar-residenti.”

Bħalissa għaddejjin xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ f’sitt blokki residenzjali b’investiment ta’ €609,829, li minnhom se jibbenefikaw 54 familja. Dawn ix-xogħlijiet, li bdew lejn l-aħħar ta’ April 2026, jinkludu manutenzjoni tal-faċċati, waterproofing tas-soqfa, tikħil u żebgħa tal-parapetti tas-soqfa u tat-taraġ, sabiex il-binjiet ikunu protetti aħjar mill-effetti tat-temp u tinżamm il-kundizzjoni tagħhom fit-tul.

Fl-istess waqt, għaddejjin ukoll ix-xogħlijiet għall-installazzjoni ta’ żewġ lifts fi Block B f’Ħal Għaxaq, b’investiment ta’ €235,000, sabiex titjieb l-aċċessibbiltà għar-residenti.

Barra minn hekk, matul l-2026 l-Awtorità tad-Djar daħlet fi ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq biex jitwettqu xogħlijiet ta’ tisbiħ, manutenzjoni u landscaping fi Ġnien Emanuel Vassallo u l-madwar. Għal dan il-għan, l-Awtorità allokat għotja ta’ €30,000, li se tikkontribwixxi għat-titjib tal-ispazji pubbliċi fiż-żona tal-akkomodazzjoni soċjali u għall-ħolqien ta’ ambjent aktar sabiħ u aċċessibbli għar-residenti.

Għal din iż-żjara kienu preżenti ċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara u s-Sindku ta’ Ħal Għaxaq Karl Boxall.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport