“Pass ieħor favur il-ħarsien tal-annimali filwaqt li nirrikonoxxu li nissalvagwardjaw l-għajxien tal-kuċċiera”

- is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said 

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Dan huwa pass ieħor favur il-ħarsien tal-annimali, filwaqt li nirrikonoxxu wkoll l-importanza li nissalvagwardjaw l-għajxien tal-kuċċiera. Nirringrazzja lill-kuċċiera, lill-attivisti u lill-partijiet kollha involuti għad-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom. Fl-istess waqt, qed titħejja reviżjoni aktar wiesgħa tal-qafas leġiżlattiv, flimkien ma’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati”

Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’intervista li kellha ma’ dan il-ġurnal, hekk kif irrimarkat li wara diskussjonijiet kostruttivi mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, il-kuċċiera qablu li jwaqqfu volontarjament l-operat kull meta jinħareġ avviż uffiċjali aħmar ta’ sħana estrema mill-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta. Spejgat li  l-operat ikun jista’ jerġa’ jibda ladarba l-avviż jiġi rtirat jew jiskadi, dejjem skont ir-regolamenti applikabbli.

Bugeja Said għamlet referenza għar-regolamenti, fejn enfasizzat fuq il-att li dawndiġà jipprojbixxu l-użu tal-karozzini bejn is-1.00 p.m. u l-4.00 p.m. u li din il-miżura fadlilha sal-31 ta’ Awwissu. Qlet ukoll li din il-miżura għandha l-għan li tipproteġi liż-żwiemel matul l-aktar sigħat sħan tal-ġurnata u tnaqqas ir-riskju ta’ dehydration, stress mis-sħana, għejja estrema jew konsegwenzi aktar serji.

Meta kienet mistoqsija bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali x’inhu l-appell tagħha għal sidien ta’ kwalunkwe annimal hekk kif pajjiżna qed jesperjeza mewġa ta’ sħana, hija bdiet biex qaltilna li l-appell tagħha lis-sidien kollha huwa biex matul dawn il-ġranet jagħtu attenzjoni akbar lill-bżonnijiet tal-annimali tagħhom. Irrimarkat li huwa essenzjali li l-annimali jkollhom aċċess kontinwu għal ilma frisk u nadif, post frisk jew ta’ kenn mix-xemx u li idealment ma joħorġux matul l-aktar sigħat sħan tal-ġurnata.

Waqt din l-intervista, hija spjegatilna fuq il-fatt li annimali qatt ma għandhom jitħallew waħedhom f’vettura, lanqas għal ftit minuti. Qaltilna li s-sidien għandhom ukoll joqogħdu attenti għal sinjali ta’ stress mis-sħana, bħal nifs mgħaġġel, u jfittxu immedjatament l-għajnuna ta’ veterinarju jekk ikollhom xi tħassib.

Bugeja Said qalet ukoll; “Il-ħarsien tal-annimali hija responsabbiltà komuni. B’attenzjoni, responsabbiltà u ftit prekawzjonijiet nistgħu nipprevjenu tbatija bla bżonn u nissalvagwardjaw il-benesseri tagħhom”

Lejn l-aħħar tal-intervista, Bugeja Said għamlet referenza dwar l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali, fejn saħqet li l-ħidma fuq dan il-proġett tinsab għaddejja u bħalissa qegħdin isiru x-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa. Dan għaliex dan huwa proġett importanti għall-qasam tal-ħarsien tal-annimali. Tenniet tgħid li tħares ‘il quddiem biex tkompli bil-ħidma fuq dan il-proġett sabiex ikollna sptar li tassew jixraq lill-annimali tagħna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport