Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard żar l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Marsa, fejn iltaqa’ maċ-Chairman Eżekuttiv Johann Buttigieg, maċ-Chairman tal-Bord tal-Ippjanar Emanuel Camilleri, mad-diretturi u l-bqija tal-ħaddiema. Matul il-laqgħa ġew diskussi l-ħidma li qed titwettaq mill-Awtorità, il-prijoritajiet tagħha, kif ukoll il-pjanijiet u l-inizjattivi li se jkomplu jsaħħu l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi offruti lill-pubbliku.
Matul l-aħħar ħames snin, l-Awtorità tal-Ippjanar investiet madwar €3 miljun fit-trasformazzjoni diġitali tagħha. Dan l-investiment inkluda l-akkwist ta’ tagħmir teknoloġiku avvanzat, fosthom kompjuters speċifiċi u tagħmir għall-ġbir ta’ data mill-ajru u mill-art, kif ukoll investiment fir-riżorsa umana permezz ta’ reklutaġġ, skemi ta’ apprendistat, taħriġ speċjalizzat u servizzi ta’ konsulenza.
Il-Ministru Attard kellu wkoll l-opportunità jara mill-qrib kif l-Awtorità tal-Ippjanar qed tintegra sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali (AI) f’diversi aspetti tal-operat tagħha. Ġie spjegat kif dawn it-teknoloġiji qed jgħinu biex jissimplifikaw il-proċessi interni, itejbu l-analiżi tal-informazzjoni u jkomplu jżidu l-effiċjenza fit-twassil tas-servizzi.
L-investiment fit-teknoloġija u fil-modernizzazzjoni tal-operat tal-Awtorità qed iwassal ukoll għal riżultati konkreti. Fil-fatt, l-ammont ta’ każi pendenti li jittrattaw applikazzjonijiet għall-iżvilupp naqas minn 6,474 fil-bidu ta’ Jannar 2025 għal 3,972 sal-aħħar tas-sena, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 39%. Dan ir-riżultat jirrifletti l-impenn tal-Awtorità biex tkompli ttejjeb l-effiċjenza operattiva u tnaqqas il-ħinijiet tal-ipproċessar permezz ta’ investiment kontinwu fit-teknoloġija, fid-diġitalizzazzjoni u fl-innovazzjoni.
Il-Ministru Jonathan Attard qal kif “il-ħaddiema tal-Awtorità kienu strumentali biex matul is-sena li għaddiet l-Awtorità kompliet iżżid l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, filwaqt li indirizzat ukoll il-backlog ta’ applikazzjonijiet pendenti. Dawn ir-riżultati huma frott tal-impenn tal-ħaddiema u tal-investiment kontinwu fit-teknoloġija u fis-sistemi diġitali.”
Il-Ministru Attard żied jgħid li bħala Gvern se jkompli jwettaq ir-riformi meħtieġa fis-settur tal-ippjanar, filwaqt li jibqa’ jinvesti fit-teknoloġija, fid-diġitalizzazzjoni u fir-riżorsa umana. “L-għan tagħna huwa li nkomplu nsaħħu l-effiċjenza tal-Awtorità u noffru servizzi dejjem aktar moderni, trasparenti u ffukati fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji,” temm jgħid il-Ministru Attard.
Fil-ġimgħat li ġejjin l-awtorità se tkun qiegħda tħabbar ukoll portal diġitali ġdid u sistemi ta’ mapep interattivi li se jagħmlu aktar informazzjoni disponibbli b’mod aċċessibbli u faċli biex tintuża. Dan l-investiment se jqiegħed lill-Awtorità tal-Ippjanar fost l-aktar awtoritajiet avvanzati teknoloġikament, filwaqt li jgħin lill-pubbliku, lill-professjonisti u lill-investituri jieħdu deċiżjonijiet aktar informati u sostenibbli għall-futur.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg spjega, “Il-ħidma tagħna tmur ferm lil hinn mill-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u mill-infurzar, u tinkludi numru ta’ inizjattivi li qed jitmexxew biex inkomplu nimmodernizzaw is-servizzi tagħna. Qed inkomplu ninvestu sostanzjalment fit-trasformazzjoni diġitali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ġodda bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. Dawn se jkomplu jtejbu l-effiċjenza tal-proċessi tagħna u joffru għodod aktar avvanzati kemm għall-impjegati kif ukoll għall-pubbliku.”
Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll il-pjanijiet futuri tal-Awtorità, b’enfasi fuq it-tkomplija tal-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali, aktar investiment f’soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi u inizjattivi li jkomplu jsaħħu l-effiċjenza operattiva u l-kwalità tas-servizzi offruti liċ-ċittadini u lin-negozji.


