Saturday, December 21, 2024

GVERN LI JONFOQ U JAĦLI!

Aqra wkoll

Mhux ser nikkummenta fuq l-effett tal-budget għaliex barra l-kummenti pożittivi li kien hemm tista’ tgħid mis-setturi kollha anki n-nies komuni baqgħu skantati bl-ammont ta’ għajnuna li ser tingħata lil kull settur fosthom  lilhom stess.

Biss l-aktar ħaġa li laqtitni kien il-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni meta qal li l-budget wera li dan hu Gvern li jonfoq u jaħli.  

Dan il-kumment laqatni għaliex dan il-kumment ma jirriflettix fuq il-gvern preżenti imma fuq l-attitudni ta’ gvern immexxi mill-PN. Dan il-kumment jirrifletti li gvern tal-PN ikun wieħed li jkompli jemmen fl-awsterità. Dan ifisser, li jekk ikun hemm gvern tal-PN, ser ikun hemm bidla kbira fil-politika tal-gvern lura għal politika li kellu l-gvern ta’ Gonzi li kien l-agħar gvern li qatt kellha Malta.

Il-politika ta’ gvern bħal dan tgħid li d-dħul tal-gvern għandu jiżdied b’aktar taxxi.  Aktar taxxi jfisser aktar piż fuq in-negozji u nies komuni. Ifisser li mhux talli m’intix tkabbar l-ekonomija iżda li tkun qed tnaqqas il-ġid li hemm. Dan għaliex it-taxxi jnaqqsu l-flus fil-but tan-nies u n-nies ikollhom anqas x’jonfqu biex itejbu l-ħajja tagħhom.

Din hi kontra l-politika li kellna wara l-2013 fejn il-gvern kien ikabbar id-dħul tiegħu billi jkabbar l-ekonomija. Meta int tkabbar l-ekonomija ma jkollokx bżonn li tagħmel taxxi ġodda barra li tkun qed toħloq il-ġid. Dan il-ġid ser jaffettwa lil kulħadd mill-kbir saż-żgħir.  

Dan il-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni jindika ħaġa oħra. Jindika li gvern immexxi minnu mhux ser ikun lest li jgħin lin-nies speċjalment lil dawk li l-anqas ikunu qed jgħixu tajjeb.  Dan għaliex il-budget preżenti mimli għajnuna lil dawn in-nies. Jekk wieħed jikkritika din l-għajnuna bħala ħela ta’ flus ifisser li gvern immexxi minnhu mhux ser ikompli jgħin lil ħadd – la lil dawn in-nies u lanqas lin-negozji!

Ekonomija

Sport