Fl-Ewropa, bdiet tellieqa bejn il-pajjiżi Ewropej biex l-armamenti u l-armati tagħhom jiżdiedu u jimmodernizzaw bil-kbir. Ir-Russja, l-Istati Uniti u ċ-Ċina ilhom jagħmlu dan u ma jidhirx li se jieqfu dalwaqt.
Sadattant, ħafna mill-brejkijiet internazzjonali li kienu jeżistu biex imewtu l-konflitti bejn il-ġnus donnhom illaxkaw. Anke konflitti qodma donnhom qed jiħraxu. Kwalunkwe possibiltà ta’ kompromess qed titqies bħala opportunità biex jintrebaħ iż-żmien ħalli matulu jissaħħaħ il-potenzjal militari.
Sadattant ukoll, in-natura tal-attività militari – kif juru l-gwerer fil-Lvant Nofshani u fl-Ukrajna – qed tinbidel bil-kbir, misjuqa mill-avvanzi teknoloġiċi fl-elettronika u fl-informatika. Il-ġlied ma jsirx l-aktar bejn truppi li jiffaċċjaw u joqtlu lil xulxin bla ħniena jew b’attakki mill-ajru permezz ta’ ajruplani mmexxija minn piloti li jkollhom jaffaċċjaw piloti oħra li se jipprovaw iwaqqfuhom. Qed issir aktar u aktar billi jintbagħtu wirdien iggwidati mill-bogħod biex jattakkaw bliet sħaħ.
La l-armamenti qed jiġi maħduma, la l-armati qed jissaħħu, la l-konfronti mhumiex jitwittew bid-diplomazija, il-probabbiltà dejjem qed tiżdied li l-aramamenti se jintużaw, li l-armati u l-wirdien se jintbagħtu jitqatlu u jeqirdu. Il-gwerra qed issir dejjem aktar viċina.
FIĊ-ĊIVIL
Minn meta dħalt fiċ-ċivil fis-sena 1968 sal-lum, il-bidliet li saru fil-korp kienu enormi. Matul is-snin li domt fih (seba’) kien jinħass bħala korp strutturat b’sistemi koerenti ta’ tmexxija, anke wara r-riformi qawwija li daħħal il-gvern Laburista tal-1971-1976. Sal-lum, il-bidliet ekonomiċi u soċjali li seħħew fil-pajjiż – biex ma nsemmux it-trasformazzjonijiet teknoloġiċi ġejjin minn barra – wasslu għal bidliet fl-istrutturi, regolamenti, prattiċi u responsabbiltajiet amministrattivi, reklutaġġ fost oħrajn.
Uħud mill-bidliet kienu indispensabbli, oħrajn anqas imma neċessarji, terġa’ oħrajn żbaljati anke meta kienu intenzjonati tajjeb. Tajjeb li ssir riflessjoni dwar minn fejn telaq iċ-ċivil u sa fejn wasal – b’mod “oġġettiv” li jammetti l-importanza tal-esiġenzi politiċi, daqs kemm jirrikonoxxi dik tal-esiġenzi ekonomiċi, soċjali u organizzattivi.
ĠURNALIŻMU PERSONALIZZAT
Fil-kompetizzjoni għaddejja bejn il-mezzi tal-kumnikazzjoni “tradizzjonali” u dawk elettroniċi ħalli jattiraw l-interess tal-publiku, donnha seħħet bidla radikali fil-ġurnaliżmu “tradizzjonali”. Marret lil hinn mill-ħtieġa teknika li r-rapporti tagħhom jitwasslu wkoll fuq il-mezzi elettroniċi. Bħal daħlet l-idea li r-rapporti ġurnalistiċi jridu jiġu ttimbrati bil-personalità ta’ min iħassilhom. B’hekk, il-ġurnalista nnifsu jispiċċa protagonist tal-ġrajjiet li qed iseħħu, sa mir-rapporti u l-kummenti stess tiegħu.
Qed jitqies li l-ġurnaliżmu li “jirrapporta” jrid ukoll ikun xow li jintgħoġob u jattira, l-istess kif jiġri fil-kumnikazzjoni elettronika. Fuq quddiem nett f’dil-bidla kien hemm il-fonti ġurnalistiku ta’ politico. Imma organi oħra bħan-New York Times u anke Le Monde qed isegwu. F’Malta wkoll dieħla dil-perspettiva…