Il-kunflitti armati li jwasslu għall-qirda tal-ħajja umana u tal-propjetà huma kundannabbli f’kull ħin u dejjem. Dawn il-kunflitti mhux biss iwasslu għall-miżerja u tbatija ta’ ħafna nies ċivili, imma wkoll ineżżgħu lill-bnedmin mid-dinjità umana. Dan iseħħ f’kull fejn ikun hemm gwerra.
Rajna dan kollu jseħħ fl-aħħar xhur fl-Ukrajna mill-invażjoni Russa lil hawn u issa f’dawn l-aħħar jiem fl-attakk primeditat li wettqu l-Hamas fuq Iżrael f’jum li għal-Lhud kien wieħed ta’ talb u għaqda fil-familji. Dan l-aħħar attakk qanqal il-biża’ li jista’ jespandi u jinfirex f’reġjuni oħra kritiċi fil-Lvant Nofsani.
Dawn il-ġrajjiet imdemmija kollha juru li d-dinja donna ma tgħaddix jekk f’xi naħa jew oħra ma jkunx hemm konflitt jew tensjoni li jistgħu jirriżultaw fi gwerra oħra. Għalhekk wieħed jistaqsi li f’xenarji bħal dawn fejn hi l-komunità internazzjonali. Għaliex minkejja l-għadd ta’ liġijiet internazzjonali donnu xejn u ħadd ma jista’ jrażżan dawn l-atroċitajiet li qegħdin naraw iseħħu quddiem għajnejna f’dawn iż-żminijiet. Konna naħsbu li t-tieni gwerra dinjija kienet waħda li se ttemm il-gwerer kollha b’mod partikolari fl-Ewropa u fil-Mediterran. Dan iżda ma seħħx.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-ewwel li jbatu huma n-nies ċivili li m’għandhom l-ebda ħtija għall-ħolqien ta’ dawn il-gwerer. Familji sħaħ imkissra u mnaqqra bl-imwiet ta’ nies ta’ kull età, inkluż trabi u tfal li jsibu rwieħhom f’nofs dan it-taqbid militari. Ħafna drabi dawn lanqas biss ikunu jafu x’qed jiġri u għalxiex qiegħed jiġri dan kollu, inkluż il-periklu li jsibu ruħhom fih waqt li għaddejjin bil-ħajja normali tagħhom.
Għal mijiet ta’ snin, il-Mediterran kien kaldarun ibaqbaq u f’dan il-każ ta’ dan l-aħħar kunflitt serva bħala prova oħra li ma jistax ikun hemm sigurtà u prosperità fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà fir-reġjun tal-Lvant tal-Mediterran. Illum grazzi għall-midja kulħadd jista’ jaċċessa u jara b’għajnejh dak kollu li jkun għaddej f’sitwazzjonijiet bħal dawn sa ftit ħin mill-bidu ta’ dak li jkun qed iseħħ. F’dan il-kuntest kollu ma nistgħux ma nikkunadannawx l-atroċitajiet kollha li qegħdin jeskalaw f’pajjiżi li għaddejjin minn gwerra mhux biss fil-Mediterran, iżda f’bosta partijiet tad-dinja. F’dan il-kunflitt bejn l-Iżraeliti u l-Palestinjani tal-Hamas ingħad li diversi nies innoċenti li kienu qegħdin jiddevertu nħatfu u spiċċaw ostaġġi.
Hija sfortuna kbira li ħadd ma jista’ jisepkula dwar kemm gwerer bħal dawn jistgħu jeskalaw u jtulu bħala żmien. Biżżejjed wieħed iħares lejn l-invażjoni Russa tal-Ukrajna li ħafna emmnu li din se tintemm fi ftit jiem imma diġà ilha għaddejja għal aktar minn sena u nofs. Quddiem dan kollu li qiegħed iseħħ fil-Lvant Nofsani, minkejja 50 sena ta’ pressjonijiet kbar mill-komunità internazzjonali jidher biċ-ċar li m’hemm l-ebda xaqq ta’ tama li dawn iż-żewġ popli jgħixu flimkien. Għalhekk nemmnu li l-ħtieġa hija li l-komunità internazzjonali tgħolli rasha u tara x’tagħmel biex twaqqaf kull kunflitt armat li ħlief vittmi ċivili u militari mhux iħalli warajh.