Waqt li bdiet id-dikussjoni dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni fil-Parlament biex tinfetaħ inkjesta pubblika biex tistabbilixxi x’ġara eżatt fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad b’mod kategoriku li hu jew xi ħadd mill-Gvern qiegħed jipprova jgħatti għal xi ħadd.
Il-Prim Ministru beda billi sellem lill-familjari ta’ Jean Paul Sofia li tiegħu llum tpoġġa ritratt fil-Parlament. Sostna li l-agħar mod li diskussjoni bħal din tista’ tagħmel approċċ lejha u billi tipprova twaqqagħha f’realm politiku.
Dr Abela saħaq li l-Kamra tad-Deputati għandha dover illi tibgħat messaġġ li huwa wieħed ċar ħafna. Li rridu li titwettaq ġustizzja sħiħa u li jkun hemm riċerka għall-verità sħiħa u kompluta.
“Dan ngħidu mhux biss meta qed nitkellmu dwar dan il-każ. Ngħidu meta nitkellmu dwar każi u inċidenti li jseħħu fuq il-post tax-xogħol. Fit-3 ta’ Diċembru li għadda kellna inċident li fih inħasdet il-ħajja ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena. Familja tilfet lill-għażiż tagħha. Episodju bħal dan ma jistax jitħalla għaddej qisu xejn mhu xejn. Għaddew seba’ xhur u ftit jiem minn dakinhar,” sostna l-Prim Ministru.
Il-kelliem kompla jgħid li ma hu sodisfatt xejn li sal-lum l-ebda persuna ma tressqet quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna. “Għalhekk għandek sitwazzjoni fejn sal-lum għadu ħadd ma wieġeb għal dan il-każ.
Semma kif il-liġi timponi fuq maġistrat li jmexxi inkjesta terminu ta’ 60 ġurnata u trid tagħlaq ir-rapport tagħha. Il-Maġistrat tista’ titlob li jittawwal dan il-perjodu, kif ġara f’dan il-każ.
Il-Prim Ministru rrefera għal każ ieħor sensittiv dak ta’ Miriam Pace li kien seħħ fl-2020. Dakinhar qal il-Prim Ministru l-Maġistrat inkwerenti kienet għalqet l-inkjesta f’xahar u għaxart ijiem. Dr Abela kompla jgħid li huwa ċar li min-naħa tal-Gvern ma hemm l-ebda setgħa li ninterferixxu fiż-żmien ta’ meta Maġistrat jidhrilha li għandha tagħlaq inkjesta.
Il-Prim Ministru qal li hu ma qagħtx idejh fuq żaqqu hekk kif f’April li għadda kiteb lill-Prim Imħallef biex jagħmel dak kollu li hu fil-prerogattiva u s-setgħat tiegħu biex jiżgura li din l-inkjesta tingħalaq mingġħajr dewmin.
Il-kelliem fil-Parlament qal li bil-mozzjoni nemmen li jrid jibgħat 3 messaġġi l-ewwel wieħed li kull min għandu responsabbiltà xi jġorr għall-akkadut tat-3 ta’ Diċembru li għadda jrid iħallas u jerfa’ r-r-responsabbiltà sħiħa.
Il-Prim Ministru għamel appell biex malli jingħalq il-verbal, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jeżerċitaw is-setgħat tagħhom u joħorġu immedjatament l-akkużi u jressqu lil kull min għandhom iressqu quddiem il-Qrati. Dan huwa messaġġ li rridu nibagħtu b’mod ċar ħafna.
Waqt id-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li dan il-Parlament għandu jagħmel diżapprovazzjoni u kundanna sħiħa għal kwalunkwe forma ta’ attakk verbali li sar fuq Isabelle Bonnici u familjari ta’ Jean Paul Sofia.Intenni l-kundanna sħiħa tiegħi għal dawn il-kummenti. Sostna wkoll li hemm bżonn li nkunu konxji ta’ x’passi ħadna sal-lum, x’passi qed nieħu u beħsiebna nieħdu biex dan is-settur tal-kostruzzjoni jkollu standards ġodda u aktar għoljin li jirregolawh.
“L-għan aħħari huwa li tkun magħrufa l-verità sħiħa ta’ dak li ġara, kull min naqas jitressaq quddiem il-Qrati. Nemmen li l-inkjesta maġisterjali hi l-aqwa għodda li l-Istat għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jasal għat-tiftix tal-verita f’każijiet bħal dawn. Għandi fiduċja sħiħa fl-inkjesta maġisterjali, fil-maġistrat inkwerenti, fl-espert tekniku, u fl-eventwali eżitu,” sostna l-Prim Ministru.
Dr Abela qal li l-Oppożizzjoni qed tinkixed għax mhux hekk trid mill-mozzjoni, iżda trid TV show. “Trid show li jixxandar fuq il-mezzi tal-internet. L-Oppożizzjoni trid li jkollna bord ta’ inkjesta kompost minn membri magħżula mill-Oppożizzjoni,” qal il-Prim Ministru.
“L-impressjoni ħażina li qed tipprova tagħti l-Opożizzjoni hi li din il-Maġistrat għandha fuqha xi limitazzjonijiet. Maġistrat inkwerenti m’għandhiex limiti sa fejn tinvestiga. Konvint li l-Maġistrat se telenka kwanluwke nuqqas li seta’ kien hemm u dak se tasal għalih fir-rapport tagħha,” sostna Dr Abela.
Il-Prim Ministru filwaqt li elenka lista ta’ miżuri li ddaħlu biex jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni fosthom li twaqqfet il-BCA qal li hu se jibqa’ sal-aħħar wara l-familja ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Gvern ressaq emendi għal mozzjoni kif imressqa mill-Oppożizzjoni
Il-Gvern wara li nrqat il-mozzjoni, ressaq l-emendi li jgħidu li peress li din il-Kamra teżiġi li ssir ġustizzja u ssir magħrufa l-verità sħiħa fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia fejn kull min għandu xi responsabiltà kriminali u/jew ċivili u/jew amministrattiva jwieġeb għal għemilu fil-fora rilevanti.
Emenda oħra fil-mozzjoni mressaq mill-Gvern tgħid li peress li din il-Kamra qed tingħaqad mal-appelli tal-familja taz-żagħżugħ li għandha ssir ġustizzja mal-mewt traġika. Peress li dakinhar tal-inċidenti infetħet inkjesta maġisterjali bil-Maġistrat inkwerenti jkollha l-għodod u r-riżorsi kollha inkluż dawk tekniċi u ħatret l-esperti kollha iu kellha l-assistenza tal-Korp tal-pulizija biex tistabilixxi l-fatti u tippreserva l-evidenza.
Il-Gvern f’emenda qed jitlob lill-Parlament japprova li peress li din il-kamra għandha fiduċja fil-proċess tal-inkjesta maġisterjali li wkoll għandha l-indipedenza s-salvagwardji meħtieġa biex taħdem f’serenità u indħil. Peress li sad-data ta’ din id-dibattitu, din l-inkjesta għadha mux konkluża u jeħtieġ li l-investigazzjonijiet ta’ dan it-tip ikunu magħluqa mill-aktar fis biex jintbagħat messaġġ ċar li każi bħala dawn mhux aċċettabbli u kull min hu responsabbli għall akkadut għandu jaffaċċja l-proċeduri meħtiġa.
Għaldaqstant l-emendi tal-Gvern ittennu d-dispjaċir għall-mewt ta’ Sofia, tikkundanna kull tip ta’ kummenti li kien hemm fil-konfront tal-familja ta’ Sofia, tħeġġeġ lill-awatoritajiet investigativi biex sa fejn poissibbli jżommu lill-familja aġġornati bl-investigazzjionjiet.
Dan l-artiklu qed ikun aġġornat…