Wednesday, March 27, 2024

Ħaddiem min-Nepal jingħata raġun wara li applikazzjoni tax-xogħol ma ġietx aċċettata

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

… kien il-ħaddiem innifsu li ressaq l-appell u mhux il-kumpanija Ozo

Ħaddiem min-Nepal li xtaq jaħdem mal-kumpanija OzoMalta Ltd, spiċċa bl-applikazzjoni tiegħu miċħuda bir-raġuni tkun li d-dikjarazzjoni dwar il-posting qatt ma ġiet verifikata mit-terzi li ffirmaw dak id-dokument. Il-ħaddiem min-Nepal ressaq appell minn din id-deċiżjoni u dan għax kuntrarjament ta’ dak li qal il-Bord għall-Immigrazzjoni, kien hu stess li mar personalment fir-Reġistru tal-Bord. Hu ngħata raġun mill-Qorti tal-Appell. Fil-fatt il-Qorti qalet li “jirriżulta li l-appell quddiem il-Bord sar minn Kamal Prasad Neupane innifsu u mill-ebda persuna oħra, u li għalhekk il-Bord evidentement kien żbaljat meta qajjem in-nullità tal-appell għar-raġuni illi dan ġie ntavolat minn sid ta’ post tax-xogħol prospettiv u mhux minn Kamal.”

Il-każ imur lura għad-9 ta’ Settembru tas-sena 2020, meta l-kumpanija OzoMalta Limited issottomettiet applikazzjoni mal-aġenzija Identity Malta sabiex jinħareġ permess tax-xogħol u residenza lil Kamal Prasad peress li hu xtaq illi jibda jaħdem magħha. Fil-11 ta’ Frar, 2021 kemm Kamal Prasad kif ukoll il-kumpanija OzoMalta Ltd, ġew infurmati li din l-applikazzjoni ġiet miċħuda u dan minħabba li l-Jobsplus ma rakkomandawhiex għal approvazzjoni għax id-dikjarazzjoni dwar il-posting qatt ma ġiet verifikata mit-terzi li ffirmaw dan id-dokument. 

Kamal Prasad ressaq l-appell tiegħu minn din id-deċiżjoni fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 2021, fejn talab lill-Qorti tħassar, tannulla u tirrevoka d-deċiżjoni appellata tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni tat-13 ta’ Awwissu  u tiddikjara u tiddeċiedi li l-appell tiegħu quddiem il-Bord kien wieħed validu u konsegwentement tordna li l-atti jintbagħtu lura quddiem il-Bord sabiex jagħti rimedju skont il-liġi. 

Fir-rikors tal-appell tiegħu, Kamal għamel riferenza għal dak li tgħid is-sentenza tal-Bord u sostna li fil-każ  l-persuna indikata li ressqet l-appell mid-deċiżjoni tal-Aġenzija huwa fil-fatt Kamal Prasad Neupane u mhux il-kumpanija OzoMalta Limited. Kamal  jgħid ukoll li kien hu li fit-12 ta’ Frar, 2021 mar personalment fir-Reġistru tal-Bord sabiex jappella mid-deċiżjoni tal-Aġenzija, u sussegwentement issottometta d-dokumentazzjoni li ħass li kellu jressaq bħala prova fil-każ tiegħu. 

Kamal qal illi meta fit-12 ta’ Frar tas-sena 2021 ippeżenta ruħhu fir-Reġistru tal-Bord, ingħata formola li ġiet mimlija minnu bid-dettalji kif mitlub. Kamal jgħid li hekk kif mela d-dettalji tiegħu fuq din il-formola, ġie maħruġ lilu dokument intestat f’ismu proprju u li kien jgħid li l-bord tal-appelli kien irċieva u rreġistra l-appell.

Dan id-dokument jinkludi fih struzzjonijiet lill-Kamal Prasad biex fi żmien ħmistax-il ġurnata jipprovdi dokumentazzjoni ulterjuri bħala prova li jkun irid iressaq. Kamal jgħid li għalhekk  ma hemm l-ebda dubju illi kien hu innifsu li istitwixxa l-proċedura tal-appell quddiem il-Bord. Jgħid li l-fatt li hu. ippreżenta dikjarazzjoni maħruġa mid-Dipartiment tal-Human Resources tal-kumpanija OzoMalta Limited li kienet ser tibda tħaddmu, dan ċertament ma jfissirx illi kienet dik is-soċjetà illi qiegħda tagħmel l-appell. Kamal enfasizza li għalhekk  jirriżulta li l-appell quddiem il-Bord kien istitwit b’mod validu minn Kamal innifsu u ħadd ħliefu, u l-Bord kien żbaljat meta ddikjara illi tali appell kien null. 

Il-Qorti tal-Appell qalet li “jirriżulta li l-appell quddiem il-Bord sar minn Kamal Prasad innifsu u mill-ebda persuna oħra, u li għalhekk il-Bord evidentement kien żbaljat meta qajjem in-nullità tal-appell għar-raġuni illi dan ġie ntavolat minn sid ta’ post tax-xogħol prospettiv u mhux minn Kamal.” Il-Qorti laqgħet l-appell ta’ Kamal u rrevokat id-deċiżjoni u bagħtet l-atti lura lill-Bord sabiex wara li jisma’ lill-partijiet, jgħaddi għad-deċiżjoni tiegħu fil-mertu.

Ekonomija

Sport