Wednesday, October 9, 2024

“Ħaddiema fis-sajd b’kundizzjonijiet miżeri u mhux regolati”… karba minn baħrin ħaddiema Indoneżjani

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħixu fuq dgħajsa li tintuża għas-sajd. Bla ktieb tax-xogħol.  Mingħajr single permit jiġifieri l-permess biex jgħixu f’Malta għax qegħdin jaħdmu hawn. Ħlas miżeru ta’ bejn €500 u €600 fix-xahar.  Suppost jitħaddmu għal 11-il xahar u xahar minnhom ikun leave, iżda dawn qed isiruhom kuntratti għal sena.  Il-kuntratti li jingħatawlhom fihom dettalji bażiċi neqsin bħal kemm huma s-sigħat li għandhom jitqiesu normali tax-xogħol, kemm  għandhom leave, għal x’hix huma koperti meta jkun hemm polza tas-sigurta’ u kif għandu jiġi riżolt nuqqas ta’ ftehim.

Hu parti mil-liġijiet Maltin li ħaddiema barranin irid ikollhom assigurazzjoni għa sena, imma hemm każi ta’ ħaddiema li qed jinġabu biex jaħdmu fuq skejjen jew dgħajjes, li mhux koperati b’assigurazzjoni tas-saħħa.  Dan is-sit huwa infurmat li hemm każi fejn baħrin, għal raġunijiet u ċirkostanzi diversi, ma jitħallsux tal-aħħar xahar paga, biex dawk il-flus jagħmllu tajjeb għall-passaġġ lura lejn pajjiżhom meta tqum tilwima jew il-ħaddiem jiġi ssensjat.   Dan is-sit qed jirriżultalu bl-aktar mod ċar li l-impjieg tal-ħaddiema li qed jaħdmu fuq skejjen tas-sajd  m’huwiewx regolat bl-ebda mod u f’xi każi, anke r-regoli dwar l-akkomodazzjoni tal-bastiment qed jiġu miksura.  Filfatt is-Seamen Wages Council Order Regulation ma tapplikax għal bastimenti tas-sajd, waqt li anke ir-Regolazzjoni għat-Tbaħħir Merkantili, ma tapplikax għal bastimenti tas-sajd. Hu minħabba f’hekk li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) ma jidħolx fuq il-każijiet, li jistgħu jittqajjmu waqt li d-Dipartiment tas-Sajd jgħid li ma jidħolx fuq materji ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan ifisser b’mod ċar li għandna sitwazzjoni fejn l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema mhux regolat. 

Jgħixu lejl u nhar fuq dgħajsa żgħira… immaġina is-sħana

Dan is-sit stħarrġet il-kwistjoni ta’ dawn il-ħaddiema, ħafna minnhom Indoneżjani u Eġizzjani. Xi wħud minnhom jgħixu fi skejjen żgħar ħafna. Jgħixu hemm lejl u nhar f’kull tip ta’ kundizzjonijiet tat-temp.  “Mil-lat uman, il-kundizzjonijiet li qed jgħixu fihom dawn il-ħaddiema huma inumani għall-aħħar.  Maqtugħin minn kuħadd. F’xi każi estremi jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom f’barmil. Jekk iweġġgħu fuq il-post tax-xogħol problema kbira għax dawn mhux kollha koperti b’assigurazzjoni tas-saħħa.  Immaġina f’din is-sħana tas-sajf, b’mod partikolari fis-sħana li għamlet fl-aħħar jiem. Immaġinaw x’kundizzjonijiet mill-agħar kellhom jiffaċċjaw dawn il-ħaddiema. Nifhem li x-xogħol hu wieħed skabruż u jitlob kundizzjonijiet iebsa. Imma qed nara li donnu dawn il-ħaddiema huma mitluqin għal riħhom”, qaltilna persuna midħla ta’ dawk il-baħrin.  Fuq dgħajjes b’mod partikolari żgħar il-faċilijiet abbord huma ftit ħafna.

Inġabu b’kuntratt ta’ sajjieda… imma dawn mhumiex sajjieda

Dan is-sit huwa infurmat li hawn każi ta’ persuni li qed jinġabu b’kuntratt ta’ sajjieda, imma dawn ma jkunux sajjieda.  Qed jirriżulta li  hemm min dawn li qatt ma jkunu ħadmu ta’ sajjieda. F’xi każi, l-aġenziji privati f’pajjiżhom li jibagħtuhom hawn l-anqas ikunu akkreditati-aġenziji tat-triq.

Is-sitwazzjoni f’pajjiżna hi dik li fejn jidħlu ħaddiema minn pajjiżi terzi, min ikun se jħaddem irid lil dak il-ħaddiema japplikalu għa permess tax-xogħol. Japplikalu għal dak li jissejjaħ ‘single permit – li jkun ukoll permess ta’ residenza bi skop ta’xogħol. Dan ovvjament qabel iġib ħaddiema barranin irid jagħti prova li ma sabx ħaddiema Maltin. Meta jkun se jġib ħaddiema minn pajjiżi terzi dan irid jipprovdi l-kuntratt tagħhom  ta’ fejn se joqogħdu. Mhux hekk biss imma jrid jippreżenta l-kuntratt tal-impjieg u assigurazzjoni għal sena għal dak il-ħaddiem.  Dan il-proċess kollu jinqabeż u ma japplikax jekk xi ħadd ikun se jġib baħħar. Dan peress li min jinġab biex jaħdem baħħar, il-kundizzjoni tkun dik li dan se jgħix fuq id-dgħajsa li fuqha jaħdem, u li dan ikun minn pajjiż terz u se jkun fuq dgħajsa jew skuna reġistrata taħt bandiera ta’ pajjiż Ewropew, dak il-ħaddiem m’għandux bżonn ikollu permess tax-xogħol.  Din hi l-liġi tal-Unjoni Ewropea, u l-għan tagħha hu dak li tiffaċilità il-moviment tal-baħħara. L-anomalija hi li sabiex jiġi evitat il-proċess tal-permess tax-xogħol u residenza, dawn il-ħaddiema sajjieda jitqiesu bħala baħħara imma mbagħad, fejn jidħlu regoli tal-impjieg, m’humiex baħħara!  Ir-regoli eżistenti s’issa jeskluduhom u l-kollox qed jindika li l-ebda dipartiment ma jrid jerfa’ r-reponsabbilita’ għal dawn l-impjiegi.

Hawn min qed jieħu vantaġġ mil-liġi Ewropea

Dan is-sit huwa infurmat li hawn min jidher li qed jieħu vantaġġ minn din il-liġi Ewropea u dan billi hawn min qed iġib ħaddiema bħala baħħara għax qed jaraw li dawn mhux regolati u għandhom inqas obbligi xi jsegwu. 

Infurmati li baħrin Indoneżjani, qed jiġu b’sistema ta’ Okay To Board, Dan ifisser li s-sidien japplikawhom mas-sezzjoni tal-VISA biex  joħorġulhom il-permess u imbagħad minn fuq l-ajruplan li jwassalhom f’pajjiżna dawn jittieħdu dritt għal fuq id-dgħajsa.  L-uniku permess li jinhgħata fuq l-art hu li miil-ajruport jibqgħu sejrin direttament għad-dgħajsa. Teknikament dawn mhux suppost jinżlu minn fuq id-dagħajsa.

F’każi normali, meta vapur iżur kwalunkwe pajjiż (f’ċirkostanzi mingħajr Covid), kwalunkwe baħri għandu is-shore leave, jiġifieri jinżel l-art għal ftit ħin u jmur fejn irid imma dejjem b’awtorizzazjoni speċifika mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni. Wara jrid imur lura fuq id-dgħajsa. Hu kruċjali li l-immigrazzjoni trid tkun taf li l-baħri niżel l-art. Iżda fil każ ta’ dawn is-sajjieda din mhix prattika. Ma tistenniex li l-pulizija tkun disponsibli l-ħin kollu fejn hemm il-bastimenti kollha tas-sajd, imma minn naħa l-oħra dawn għandhom sena f’pajjiżna.  “Kemm se jdumu fuq il-bastiment. Xi drabi kważi kważi lanqas tkun tista’ tiċċaqlaq fuqu għax ikun żgħir ħafna”, qaltilna l-istess persuna. Fil-verità imma, dawn jinżlu u jitħalltu, u m’hemm xejn ħażin; imma m’humiex skont ir-regoli tal-immigrazzjoni. Ir-regoli preżenti m’humiex adekwati f’dawn il-każi u jinħtieġ li dawn il-ħaddiema jiġu regolati b’mod differenti.

Hemm min qed jitħaddem għal sena… skont il-liġi marittima ma jistax

Dan is-sit qed jirriżultalu li hemm minn dawn il-baħrin li qed jitħaddmu għal sena sħiħa.  Dan ifisser li skont il-liġi marittima internazzjonali, il-baħrin ma jistgħux jitħaddmu għal sena sħiħa, imma għal 11-il xahar peress li xahar minnhom irid ikun leave. 

Jirriżulta li l-ħaddiema f’Malta huma regolati minn għadd ta’  leġislazzjoni sussidjarja dwar kif għandhom jitħaddmu ħaddiema partikolari. 

F’pajjiżna għandna is-Seamen Wages Council Order fejn dan jistipula kemm il-baħrin għandhom leave, paga u kemm għandhom jaħdmu bħala sigħat. Biss  qed jirriżulta lil dan is-sit li s-Seamen Wages Council ma tapplikax għal baħrin li jaħdmu fil-qasam tas-sajd.  Dan  qed iwassal biex fi kwistjoni marbutin ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol jew allegati abbużi li jistgħu qed jitwettqu, id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) qed jgħid li ma tapplikax il-‘work regulation order’, Transport Malta jgħidulek li ukoll ma’ tkoprix, waqt li d-Dipartiment tas-Sajd jgħid li ma jidħolx f’kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda. 

Infurmati li dawn ikollhom kuntratt ta’ xogħol u fih qed jingħad kemm ikunu se jitħalsu fix-xahar. Dan ivarja bejn €500 u €600 fix-xahar. Dawn il-baħrin ikunu ipprovduti ukoll b’ikel kuljum.

Konvinti li dan hu sfruttar… għax għal dawn il-baħrin bejn €500 u €600 hu tajjeb

Għalkemm dawn il-ħaddiema jidher li huma kuntenti bis-salarju ta’ bejn €500 u €600 fix-xahar, li jfisser li hu f’xi każi huma kważi €300 inqas mill-paga minima f’Malta, huma tista’ tgħid m’għandhom protezzjoni ta’ xejn. 

F’każ ta’ tilwima mas-sid, u minn dawn kien hemm diversi każijiet, anke allegati abbużi fiżiċi, dawn l-istess baħrin jintbagħtu lura lejn pajjiżhom fi żmien qasir.  Ħafna minn dawn il-baħrin ġejjin minn żoni remoti għal aħħar u minn żoni fqar ħafna, fejn biex jintbagħu lura l-passaġġ bl-ajru faċilment jitla’ għal €600 u €700. Dan f’xi każi iwassal biex meta jiġi biex iseħħ, ikun hemm baħrin li jispiċċaw ma jitħallsux tal-aħħar paga tagħhom u dan biex b’dak il-flus jitħallas il-passaġġ bl-ajru. 

“Konvint moralment li dan hu każ ta’ sfruttar”, qalilna persuna qrib dawn il-baħrin. “Għalihom dawn flus tajbin għax ġejjin minn żoni fqar ħafna.  Ħafna minnhom lanqas jafu bl-Ingliż. Jikkuntentaw b’kollox. Lanqas ikun jafu fejn għandhom jirrappurtaw  jekk ikollhom bżonn xi ħaġa jew tinqala’ xi kwistjoni fuq id-dgħajsa.”

Wasal iż-żmien li dawn il-baħrin ikunu impjegati bħal baħrin fuq bastimenti kummerċjali

Quddiem il-karbiet ta’ dawn il-baħrin Indoneżjani, wasal iż-żmien li l-pajjiż jieħu azzjoni dwar dan ix-xogħol mhux regolat. Dan billi dawn il-baħrin  ikunu impjegati l-istess u bla ebda differenza mill-baħrin l-oħra f’Malta li jaħdmu fuq bastimenti kummerċjali. 

Sport