Monday, May 13, 2024

“Ħajja maħruba”

Spiċċa arrestat fl-irvellijiet ta’ April 1958

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Min jaf kemm tkellimna ma’ xulxin u stqarrejna kemm għaddej jgħaġġel iż-żmien. Hawn min jgħidlek “lanqas rajtu kif tar iż-żmien”. U forsi aktar ma tikber, aktar tibda tagħti kas ta’ kif ikun għaddej iż-żmien. “Filli naħdem qisni farfett filli illum pensjonant b’ruxxmata pilloli u testijiet”. Biss ma’ dawn il-ħsibijiet hemm l-esperjenzi li wieħed ikun għadda minnhom.

Esperjenzi li jvarjaw. Dawk sbieħ, oħrajn ta’ avventura u oħrajn ukoll ta’ dwejjaq. Iltqajna ma’ Fredu Galea, magħruf bħala ‘Tal-Maċaj’ minn Ħal Qormi. Ġej minn familj kbira. Tant li ta’ 12-il sena beda jiġbor il-ġebel biex jaqla xi ħaġa għall-familja kbira li kien jgħix fiha. Minkejja t-tbatija u żminijiet xejn sbieħ, Fredu kompla jistudja. L-għan tiegħu kien li jkollu impjieg li bih jista’ jgħin lil familtu.

Daħal it-tarzna u wara ftit żmien daħal mal-Qawwa tal-Ajru Ingliża. Minn hemmhekk, spiċċa jżur diversi pajjiżi madwar id-dinja. Rabba familja. Jirtira mis-servizz imma biex isostni l-familja kellu bżonn jaħdem. Spiċċa f’impjiegi bħal wejter, barman u aktar tard fil-korpi u fuq il-breakwater ta’ Kalafrana. Fredu jiftaħ qalbu ma’ IT-TORĊA dwar l-esperjenzi ta’ ħajtu, fejn meta konna żornieh f’daru ma’ naqasx li jurina ir-ritratt li għandu ta’ meta kien mal-Qawwa tal-Ajru Ingliża.

L-esperjenzi fil-gwerra….kienu jorbtuli jdejja biex ma nħokkx minħabba l-iskabbja

Fredu Galea jgħidilna li ‘x’waħdadin kemm tgħaddi mgħaġġla l-ħajja. Taħrab mhux tgħaddi. Hu minni. M’għandniex xi ngħidu bħal kull maħluq ieħor ma niftakarx meta twelidt. Iżda niftakar li meta kelli xierba jew ħames snin matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ommi u missieri kienu jorbtuli idejja it-tnejn, biex iwaqqfuni mid-drawwa li kont ħadt – jiġifieri li nħokk u nigref lili naifs. Kienet qabditni l-marda tal-iskabbja, frott il-misħut nuqqas ta’ indafa personali u ambjentali.

“Imbagħad niftakarni ta’ xi seba’ snin, nagħmel l-ewwel tqarbina u ta’ xi timen snin, nissieħeb mal-boy scouts. Kont ferħan u kburi, liebes l-uniformi, nimmarċja b’pass meqjus.

Daqqa bil-mod u daqqa mgħaġġel iżda dejjem b’pass iddixxiplinat, regolat u ritmiku ma’ sħabi l-oħrajn. Kburi u ferħan l-aktar għax minn hemm tgħallimt indoqq it-tamborlin u ċ-ċimblu. Kont inħossni sirt diġa mużiċist prim. Illum meta nħares lura naħseb u ngħid li ħasra tabilħaqq li ma bqajtx nistudja l-mużika imar fil-każin tal-Banda Pinto Ħal Qormi fil-parroċċa ta’ San Bastjan fejn twelidt għext u għadni ngħix. Aktarx li, kieku llum jien ta’ l-inqas bandist tajjeb ħafna.”

“Bdejt naħdem ta’ 12-il sena niġbor il-ġebel u kont nagħmlu bier ngħin il-familja”

“Ta’ madwar disa’ jew għaxar snin, bdejt nattendi l-iskola tal-Gvern ta’ Ħal Qormi fl-inħawi li jagħmlu mal-parroċċa ta’ San Ġorġ, sewwasew dik li hemm f’Misraħ Federiku Maempel. L-iskola tal-Gvern ħdejn San Bastjan inbniet ftit tas-snin wara bejn is-sena 1955 u l-1958. Bqajt immur f’dik l-iskola sa ma kelli 12-il sena. Niftakar tajjeb li ta’ dik l-età, jiġifieri meta kelli tnax-il sena, kelli biex insejħulha hekk l-ewwel biċċa xogħol żgħira ta’ qligħ ta’ flus. Kont inmur inġib l-ġebel minn fuq il-ħaxix ta’ dik li konna nsejħulha ‘l-Marsa tal-Ingliżi’.

Dħalt f’kulleġġ, studjajt fuq li studjajt, għax kelli r’rasi li nikseb impjieg tajjeb, biex inkun nista’ ngħin lill-familja numeruża tiegħi, familja ta’ għaxra – ommi u missieri, żewġ ħuti subien, ħames ħuti bniet u jien.

Dħalt it-tarzna bħala shop fitter

“Ta’ 14-il sena, għamilt l-ewwel eżami tiegħi għat-tarzna u għaddejt. Iżda ma kontx sodisfatt bir-riżultat. Ghalhekk is-sena ta’ wara f’Ottubru tas-sena 1955, erġajt qgħadt għall-dan l-eżami li kien jissejjaħ il-‘HM Dockyard Examination’ u din id-darba mort ħafna aħjar għax spiċċajt il-145 minn 950 student li resqu għal dan l-eżami. Issa kont tabilħaqq sodisfatt u m’għandniex xi ngħidu missieri u ommi ferħu qatigħ.

Għażilt is-sengħa ta’ shop fitter u qattajt sentejn nitħarreġ fiha, fit-tarzna tal-ammiraljat. Jien u sħabi sirna apprendisti, li kien ifisser li konna tgħallimna it-teorija u s-sengħa bil-ħeffa. Bdejt nattendi d-dockyard school għal xî sitt snin u bqajt navvanza fis-sengħa u t-tagħlim. Niftakar tajjeb li ta’ 16-il sena, kont diġa bdejt nintbagħat nitħarreġ fis-sengħa fuq il-vapuri, fuq kull korta ta’ vapuri tal-Qawwa Navali Ingliża bħal mine sweepers, tug boats, destroyers, floating docks u sottomarini li kienu jkunu fil-Baċir Numru 1 maġben il-bieb tat-tarzna ta’ Bormla u ukoll fuq super tankers. Ħdimt kemm fix-xifts ta’ bi nhar kif ukoll f’dawk ta’ bil-lejl.

“Wasal imbagħad il-jum storiku politiku tat-28 ta’ April 1958. Ta’ żagħżugħ ta’ 18-il sena, żagħżugħ li ma jaħrabx l-avventura, żagħżugħ xprunat mill-ideal soċjo politiku, inqabad biex ngħid hekk fl-irvellijiet li kienu saru f’dak il-jum. Issawwatt mill-Pulizija u intbgħatt il-ħabs. Inħlist mill-ħabs minħabba nuqqas ta’ provi wara 17-il jum. Ġrajja, esperjenza personali li ma ninsiha watt. Esperjenza li ħalliet it-timbri permanenti tagħha fuq saħħti u fuq il-psikoloġija tiegħi.”

“Dħalt mar-Royal Air Force u dort sew madwar id-dinja”

‘Ħajja mimlija u maħruba. Kont isseħibt bħala Airframe Mechanic u bagħtuni f’Ta’ Qali għal xahrejn. Mort tajjeb u x-xahar ta’ wara sewwasew fis-17 ta’ April tas-sena 1961, il-jum li fih isseħibt uffiċjalment fl-RAFT, tawna l-kit u l-uniformi tas-servizz.

Għal darba oħra, f’din ħajti mimlija u maħruba ħassejtni ferħan. Ħarrġuna fis-sengħa ta’ dixxiplina, ordnijiet, drills u taħriġ fiżiku. Ma kinitx ċajta. Imma ħadt pjaċir. Wara din l-esperjenza importanti u sabiħa f’Ta’ Qali bagħtuni f’Ħal Safi. F’xogħol mekkaniku pjuttost ħafif, taħt superviżjoni tabilħaqq tajba u għalliema tajbin.

Imbagħad mort għal lors ta’ erba’ xhur fl-Ingilterra, eżattament f’Weeton Station NR, qrib Blackpool. Tgħallimt it-teorija prattika u anke l-parati. Erba’ xhur li għaddew bħal ħolma. Konna nieħdu gost ħafna għax fi tmiem il-ġimgħa kien ikollna festini, żfin u attivitajiet oħra. Matul iż-żmien li qattajna hemm, konna nmorru nixtru mill-ħwienet, induru u naraw il-pajjiż. Żorna il-ġmiel ta’ Blackpool Tower, pubs, ristoranti u stabilimenti.

“Lura Malta wara l-kors ħajti ssukktat għaġġiela. Illum ngħid “għaddiet bħal ħolma’. Stazzjonat mal-RAF f’Ħal Luqa nista’ ngħid li għamilt kull xorta ta’ xogħol. Kont ġejt imlaħħaq Senior Aircraftsman (Airframe mechanic), għamilt spezzjonijiet fuq engine callings controls, under carriage fuselage, airbrakes, flaps, rudders u oħrajn.

Biex imbagħad fil-perjodu ta’ bejn l-1964 u l-1968 peress li konna naħdmu ma’ NO 38 Squadron intbgħatna kemm il-darba naħdmu barra minn Malta. Tirt fuq is-Shakleton mhux darba u tnejn u issuktajt nitgħallem ħafna waqt li żort l-Ingilterra, Ġibilta, Nairobi l-Kenja, Ċipru, l-Irlanda ta’ Fuq, Ateni, Sharja, il-Bahrain, Southampton, Blackpool u Preston fir-Renju Unit, Dubaj, il-Madagaskar, il-Majunga, El Adem u l-Libja.

Fl-RAF spiċċjat bir-rank ta’ kapural u wara ħdimt ta’ welter, barman u fil-korpi

“Spiċċajt mir-Royal Air Force, wara 12-il sena bir-rank ta’ kapural. Intenni qishom ħolma. Żmien li matulu iltqajt ma’ marti Lucia. Kont iltqajt magħha l-ewwel darba il-Brittania Restaurant il-Belt. Kelli lambretta dak iż-żmien u kont inrikkibha warajja.

Meta spiċċajt mill-RAF kelli nida nagħmel xogħol partajm, biex inkun nista’ inmantni lill-marti u lit-tliet uliedi. Ħdimt bħala weter u barman. Imbagħad dħalt fil-Korp tal-Pijunieri. Hemmhekk kont nagħmel kull ma jqabbduni Konna nagħmlu xogħol bħal innaddfu l-bajjiet, nħawwlu s-siġar inħaffru t-trinek, superviżjoni fuq kompressur u xogħol ieħor.

Mill-Korp tal-Pijunieri għaddejt għal mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Ħdimt bħala fitter fir-Red China Dock mal-ħaddiema Ċiniżi. Imbagħad fis-sena 1979, spiċċajt naħdem fuq il-breakwater f’Kalafrana. Ħdimt bħala mekkanik fuq trakkijiet kbar. Hawnhekk kelli inċident fejn weġġajt spallti x-xellugija. Minħabba dan, tawni xogħol bħala store keeper. Ftit sin wara bagħtuni naħdem fil-workshop ta’ Ħal Kirkop. Hemmhekk kont naħdem fuq karozzi żgħar u imbagħad lura għal xogħol ta’ storekeeper u f’maħżen tal-għodda.

“Bħalma qatt ma stenna u ma jistenna l-ħadd, iż-żmien lanqas stenna. Fis-sena 2000 sirt pensjonat. Illum inqattagħha billi ngħin fix-xogħol tad-dar bħal ħasil tal-art u tal-ħwejjeġ, tisjir, inmur nixtri u wara dawk is-sagħtejn ta’ mistrieħ wara nofsinhar, inmur nagħti daqqa t’id lil ibni Alex, li għandu ħanut li fih jagħmel xogħol ta’ mekkanik tal-karozzi.

“Għaddiet maħruba din ħajt mimlija tabilħaqq iżda ma ngergirx. Anzi nizzikħajr ‘lAlla il-ħin kollu għax kulma bgħattli u tani tajjeb u dak li jien qistu mhux daqstant tajjeb, ferħ u slaleb. Inħossni ħieni ukoll għax ma għajri, safejn naf jien, dejjem imxejt ta’ nies. B’mod dħuli u b’għajnuna kif u kull meta stajt. Filfatt inħossni kważi kburi li apparti li kull min jafni isejjaħli bil-laqam tal-familja ’tal-Maċaj’, ħbiebi u sħabi tal-qrib jirreferu għalija bħala ‘Fredu tagħna’.

“Jien tagħhom u huma tiegħi. Mhux hekk għandu jkun biex forsi xi darba jkollna dinja aħjar”, jgħidilna Fredu Galea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport