Tuesday, May 14, 2024

L-Awstraljani jappellaw għal liġijiet aktar iebsa dwar il-vjolenza fuq in-nisa

Aqra wkoll

Fis-sigħat li għaddew madwar l-Awstralja saru bosta dimostrazzjonijiet wara li ġew irrapportati żidiet fil-każi ta’ vjolenza fuq in-nisa.

Id-dimostranti talbu sabiex il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tkun iddikjarata bħala emerġenza nazzjonali u li jkun hemm liġijiet aktar stretti biex iwaqqfu din il-vjolenza.

Il-Prim Ministru Anthony Albanese ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala “kriżi nazzjonali”. Bħala medja, fl-Awstralja mara nqatlet kull erbat ijiem sa issa din is-sena.

Waħda mill-organizzaturi ta’ dawn id-dimostrazzjonijiet, Martina Ferrara, qalet: “Irridu għażliet alternattivi fejn isiru rapporti minn vittmi biex ikunu jistgħu jitkellmu aħjar dwar dak li jkunu għaddejjin minnu. Irridu li l-Gvern jirrikonoxxi dan bħala “azzjoni ta’ emerġenza” u tittieħed azzjoni immedjata.

Meta kien qed jitkellem f’waħda mid-dimostrazzjonijiet fil-kapitali Canberra – li għaliha attendew eluf ta’ dimostranti – is-Sur Albanese ammetta li l-gvern tiegħu jrid jagħmel aħjar fil-livelli kollha. “Għandna bżonn nibdlu l-kultura, l-attitudnijiet, is-sistema legali u l-approċċ mill-gvernijiet kollha,” huwa qal.

Meta wieġeb għal sejħiet mid-dimostranti biex il-vjolenza fuq in-nisa tiġi kklassifikata bħala emerġenza nazzjonali, is-Sur Albanese qal li normalment din issir wara xi għargħar jew nirien biex toħroġ injezzjoni temporanja ta’ flus.

“M’għandniex bżonn xahar jew xahrejn – irridu nindirizzaw dan b’mod serju, ġimgħa b’ġimgħa, xahar b’xahar, sena b’sena,” huwa qal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport